Is-Sindku Nazzjonalista f’Tas-Sliema, John Pillow, ikkonferma li, fir-recording esklussiv li xandar ONE News fil-bulettin tal-aħbarijiet tat-Tnejn, kien hu li qal lil persuna fl-istess lokalità biex tħalli ż-żibel barra ħalli jkun jista’ jurih lill-midja.
Hu kkonferma dan fi stqarrija wara li xxandar is-servizz ta’ ONE News.
Fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, evidentement skomdu li nqabad b’manuvri biex it-toroq jidhru maħmuġin, Pillow iddeplora l-fatt li messaġġ li kixfu ntbagħat lil din il-kamra tal-aħbarijiet.
Fl-istqarrija tiegħu pprova jbenġel il-każ billi qal li, kull min jafu, jaf li fix-xogħol tiegħu bħala Sindku qatt ma jara kulur politiku.
Dan minkejja li nqabad jikkonfoffa biex iż-żibel jibqa’ fit-triq sal-konferenza għall-aħbarijiet organizzata mill-Partit Nazzjonalista, biex il-kameras tal-kmamar tal-aħbarijiet ikunu jistgħu jiġbdu iżjed ħmieġ fit-toroq tal-lokal.
Qal “Today there will be a press call organized between Sliema, St Julians, Swieqi Local Councils. We are going round with the press to see this kind of garbage.”
“Yes I wanted it to be there, because I wanted it to look so bad.”
Dan deher saħansitra f’messaġġ privat li Pillow bagħat lill-istess residenta u li ppubblikah f’tentattiv li jeżonera lilu nnifsu minn din is-sitwazzjoni.
Fil-fatt, agħar minn hekk, hu kixef li, appena nħareġ l-iskart b’mod illegali, il-persuna bagħtitlu li kienet se tavża lill-Ministru Clayton Bartolo bis-sitwazzjoni biex l-iskart jinġabar.
Iżda r-reazzjoni tiegħu għall-messaġġ kienet biex din ma tibgħat xejn lill-Ministru ħalli l-iskart jibqa’ barra fit-triq. Dan sakemm issir il-konferenza tal-aħbarijiet. Il-messaġġ minn Pillow intbagħat fit-tmienja ta’ filgħodu.
Dan filwaqt li l-konferenza mill-Partit Nazzjonalista saret għall-ħabta tal-erbgħa ta’ waranofsinhar, biex b’hekk l-iskart għamel ġurnata sħiħa fit-triq apposta.
Fl-istqarrija tiegħu, Pillow naqas milli jsemmi wkoll kif fir-recording li xandar b’mod esklussiv dan l-istazzjon, avża lil-persuna biex ma tgħid lil ħadd b’din il-manuvra. Fil-fatt, qalilha żżommha għaliha.
Qal “The press call is done and the tour where there are garbage like this will be cleared. Keep this for yourself please.”