Il-Kap tal-midja tal-Partit Nazzjonalista Pierre Portelli ħareġ iwaħħal fl-ex President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut għar-riżenja tat-teżorier tal-Partit Nazzjonalista David Camillieri.
Waqt l-analiżi tal-ġurnali fuq ir-radju tal-partit Nazzjonalista, Pierre Portelli implika ħadma min-naħa ta’ Anthony Sammut meta bħala President tal-Eżekuttiv ħalla kollox għaddej fl-elezzjoni tas-Sibt li għadda għas-siġġu ta’ David Stellini.
“Tant li sejjaħlu, ingħata l-vot, u ħadd insomma ma tkellem dakinhar. Jiena nista’ ngħid għax kont hemmhekk. Però mbagħad qamu dawn l-irwiefen kollha wara li kif nafu Mark Anthony Sammut irriżenja mill-pożizzjoni tiegħu b’rabta mar-riżultat elettorali.”
Kien hawn li implika li Camilleri spiċċa rriżenja minħabba Anthony Sammut li ta x’jifhem li kien jaf li dan ma setax jivvota, iżda ħallih jagħmel dan biex wara qajjem kjas kbir fil-Partit Nazzjonalista.
“U issa sfortunament David Camillieri minħabba dan l-inċident tal-vot fejn ma kellux jivvota pero tħalla jivvota mill-President tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalsita allura deherlu li kellu jirriżenja.”
Pierre Portelli kellu wkoll kliem iebes fil-konfront ta’ Chris Said.
“Kif tafu l-attakk min-naħa ta’ wħud mill-persuni f’Għawdex biex jinżamm dak is-siġġu li kellu David Stellini ġewwa Għawdex kien wieħed verament feroċi wara l-elezzjoni.”
Hawnhekk tenna li l-irwiefen kollha qamu wara l-elezzjoni tas-Sibt.
“Dina importanti li nibqgħu nfakkruha li wara l-elezzjoni għax qabel l-elezzjoni fil-fatt l-istess kevin Cutajar għamel il-preżentazzjoni tiegħu u pparteċipa f’din l-elezzjoni. Sa dak il-ħin kien kollox ok. Wara l-elezzjoni meta Jean Pierre Debono rebaħ din l-elezzjoni imbagħad qamu l-irwiefen kollha u ġara dak li ġara.”
Fl-analiżi tiegħu tal-gazzetti ma naqasx milli jikkritika lill-kandidat Għawdxi Kevin Cutajar.
“Jean pierre Debono renounce co-option – first step towards common sense jgħid kevin cutajar. Dażgur wara l-elezzjoni issa ngħidulu common sense”
Huwa ħa l-opportunità ukoll biex jattakka lill-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista, l-MŻPN u qal li kien biss ilbieraħ li stenbħu.
” U mbagħad ilbieraħ stembħu u tkellmu l-MZPN illi jgħidu li the situation is untenable.”
Matul l-analiżi tiegħu, Portelli fetħilha wkoll fuq il-ġurnali bl-Ingliż, fosthom dik li kien jaħdem magħha qabel daħal lura fil-Partit Nazzjonalista.
“Din il-faċċata tal-Independent tixraq iktar li kieku waqgħu t-Twin Towers jew xi haga hekk / pero minflok dawn l-affarijiet li għaddejjin fil-PN waslu biex jagħmlu dan it-titlu kbir bl-aħmar. PN in open war.”
Huwa għalaq b’attakk fuq it-times li qal li tat spazju lid-deputati mill-fazzjoni ta’ Busuttil.
“Mela l-Independent jgħidulna gwerra dawn jgħidulna li hija spluzjoni.”
“Imbagħad tagħtina wkoll rapportaġġ ta’ ċertu Membri Parlamentari li t-Times waqqfet huma u deħlin fil-Parlament. Ovjament l-għażla meta tarah tinduna t-times xi tkun trid tagħmel b’dawn it-tip ta’ artikli.”