Pierre Portelli rriżenja minn membru tal-eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista. F’ittra ta’ riżenja ppubblikata fuq it-Times, Portelli talab lill-President tal-kumitat eżekuttiv Nazzjonalista, Alex Perici Calascione biex ma jqisux iżjed bħala membru tal-eżekuttiv.
Fl-ittra tar-riżenja Pierre Portelli, li kien l-id il-leminija ta’ Adrian Delia fi żmien li dan kien Kap u spiċċa rriżenja mill-kariga ta’ Kap tal-midja Nazzjonalista fis-sajf jaħraq tal-2019, saħaq li ilu żmien ma jattendi għal-laqgħat tal-eżekuttiv u għalhekk ġie awtomatikament dekatut. Bi kliem ta’ min jixtarr, f’partit fejn il-ġlied qatt ma naqas, Portelli qal li hu se jżomm id-dritt li jwieġeb għall-allegazzjonijiet li saru u se jwieġeb fi żmien opportun iżda ma jridx li nies li sejħilhom ta’ rieda ħażina jużaw l-istejjer dwaru biex tkompli ssir il-ħsara.
Il-fazzjoni ta’ Simon Busuttil ilha li fetħet il-kanuni fuq Pierre Portelli, u kienet hi li rat li l-alleat ewlieni ta’ Delia jkun minn tal-ewwel li jinżel. Deputati u esponenti tal-fazzjoni Busuttil, illum wara l-Kap Bernard Grech, kemm il-darba rrepetew allegazzjonijiet li Portelli kien jieħu flus mis-suspettat mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech. Fil-fatt ġie allegat li darba fix-xahar, Portelli kien imur għand Fenech u jieħu pakketti ta’ flus li jammontaw għal għoxrin elf ewro.
Fid-dawl t’aktar intriċċi u ġlied fil-Partit Nazzjonalista, kien ġie allegat ukoll li anki Adrian Delia ħa eluf ta’ ewro biex tiġi mminata l-kampanja elettorali ta’ David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew tal-2019. Din l-allegazzjoni kien semmieha wkoll fuq ix-xandir nazzjonali David Thake, esponent ieħor tal-fazzjoni Busuttil u li kien fost l-ewlenin li sfiduċja lil Adrian Delia. Kemm Pierre Portelli u anki Adrian Delia ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet iżda jinsabu taħt il-lenti ta’ inkjesta Maġisterjali dwar allegazzjonijiet li ħadu flus m’għand Yorgen Fenech, f’każ li jista’ jkun allegat li kien hemm involut tixħim.