Ir-riżenja ta’ Antoine Zammit minn teżorier tal-Partit Nazzjonalista, wasslet sabiex il-kunsillier Nazzjonalista ta’ Tas-Sliema Pierre Portelli jiftħilha kontra t-tmexxija nazzjonalista u jiddikjara li m’hemmx ir-rieda biex il-Partit Nazzjonalista jsir relevanti.
F’Awwissu li għadda Portelli rrizenja mill-kariga ta’ President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista.
Hu mifhum li Portelli kellu argument jaħraq mal-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mas-Segretarju Ħenerali Clyde Puli.
Wara xahrejn sieket, Portelli fetħilha fuq Facebook u esprima l-uġigħ tiegħu għall-mod kif twarrab minn Adrian Delia.
“Min ta l-ħin liberu kollu tiegħu għal kawża li emmen fiha jiġi mwarrab bil-pulit minn nies li jaħsbu li dawk li jaħsbu li jagħmlu huma biss huwa tajjeb u li jagħmel ħaddieħor huwa mbarraz” kiteb Pierre Portelli.
Portelli kien ikun dejjem ma’ Adrian Delia u għamel minn kollox sabiex Delia jilħaq Kap tal-Partit.
Kiteb li min poġġa lil Antoine Zammit bħala Teżorier tal-Partit Nazzjonalista biex mingħalih jimla post vakanti, se jibqa’ mkaħħal mas-siġġu tiegħu.
Portelli qal li huwa kemm-il darba pprova jattira aktar nies lejn il-Partit Nazzjonalista iżda qal li m’hemmx rieda biex ikun hemm aktar nies ġodda fil-Partit.
“Jiena ħsibt, emmint u ppruvajt kemm-il darba biex navviċina nies ġodda lejn il-partit, iżda jidher li m’hemmx ir-rieda sabiex il-Partit isir verament relevanti bħala Oppożizzjoni” kiteb Portelli li ma eskludiex li jkun hemm aktar persuni li jirriżenjaw jew jitilqu mill-Partit Nazzjonalista.