Michael Piccinino se jirriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista biex skontu jikkontesta għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.
Is-sorsi tas-soltu ta’ ONE News, li ilhom jagħtu l-informazzjoni sensittiva mid-Dar Ċentrali, qalulna li Piccinino immonta storja mat-Times biex jimbotta l-kandidatura tiegħu u l-aspirazzjonijiet politiċi li għandu.
Iżda l-fatti juru dak li kien ilu żvelat mill-gazzetta KullĦadd u ONE News sa mill-bidu ta’ din is-sena.
Konna żvelajna li wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, l-establishment Nazzjonalista kien se jqaċċat lil Piccinino minn Segretarju Ġenerali.
Iż-żmien tana raġun hekk kif fil-fatt se jiġri wara li ilu jinħema pjan biex Piccinino jwarrab anki jekk qed jipprova jieħu kredtu fosthom saħansitra t’affarijiet li ma għamilx.
Fil-fatt issemma s-saħħa li jkollu s-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista fosthom fuq l-amministrar tal-finanzi tal-partit.
Aspett li jibqa’ wieħed b’dellijiet marbuta ma’ Piccinino għax lanqas estensjoni li talab hu stess biex jissottometti l-kontijiet finanzjarji awditjati ma onora mal-Kummissjoni Elettorali biex kemm ilu Kap Bernard Grech u Piccinino Segretarju Ġenerali, il-Partit Nazzjonalista lanqas ressaq kontijiet finanzjarji ta’ sena sħiħa.
Dan apparti li hemm nieqsa wkoll ir-rapporti ta’ donazzjonijiet li daħħal il-Partit Nazzjonalista, li jħaddem ukoll l-iskema sigrieta taċ-ċedoli.
Deputati tal-establishment, bħal Karol Aquilina u Beppe Fenech Adami, ftit li xejn jirrikonoxxu l-awtorità ta’ Piccinino bħala Segretarju Ġenerali, avolja għandu dik li hi meqjusa bħala t-tieni l-aktar kariga importanti fil-Partit.
Huma qed iwaħħlu fl-istess Piccinino għall-fatt li għadhom ma ġewx sottomessi lill-Kummissjoni Elettorali r-rapporti awditjati tal-kontijiet finanzjarji u dawk tal-ġbir.
It-Times qalet li sa issa mhux jissemmew ismijiet li lesti jieħdu post Piccinino għalkemm fix-xhur li għaddew issemmew ismijiet bħall-eks Deputata Marthese Portelli, li llum tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Kamra tal-Kummerċ.
Portelli hi mbuttata mill-eks Deputat Claudio Grech, dak magħruf bħala l-filjozz ta’ Austin Gatt