Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, spiċċa rredikolat fid-Dar Ċentrali wara l-konferma uffiċjali li allegazzjonijiet, li rikeb fuqhom b’rabta mal-aħħar elezzjoni ġenerali, sfumaw fix-xejn.
L-allegazzjonijiet nibtu f’isem individwu ta’ nazzjonalità barranija, li mhux biss jirriżulta li jkun iggwidat minn Jason Azzopardi, wieħed mill-perċimes tal-establishment, u Arnold Cassola, iżda fl-imgħoddi, saħansitra fl-2016, kien diġà ntuża mill-midja Nazzjonalista biex jattakka lill-Gvern.
Dwar dan irrappurtat il-gazzetta KullĦadd, fil-ħarġa tagħha tal-Ħadd, hekk kif spjegat li l-allegazzjoni falza kienet iddur ma’ suppost abbuż b’karti tal-identità ta’ persuni mejtin. Madankollu l-aġenzija Identity Malta kkonfermat li r-Reġistru Pubbliku jipproċessa kull notifika ta’ mewt li tasal għandu, skont proċeduri stabbiliti, waqt li jinġabru l-karti tal-identità tal-persuna deċeduti.
Minn tagħrif intern li kisbet il-KullĦadd, jirriżulta li mid-Dar Ċentrali Michael Piccinino ma staqsiex darbtejn u, minflok, għamel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet, anke jekk issa spiċċa biex siket għalkollox u b’fommu mitbuq.
Is-sorsi tal-KullĦadd qalu li, bħall-Kap Bernard Grech, Piccinino għadu qed ifittex kull skuża biex jiġġustifika l-akbar telfa fl-istorja għall-PN.
Michael Piccinino jagħmel parti minn grupp ta’ persuni li fl-aħħar snin iddaħħlu mill-establishment biex mingħalih idawwar ir-rotta tal-Partit u jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Minkejja dan, quddiem Partit Laburista organizzat, il-PN reġa’ ħareġ ta’ amateur, avolja investa eluf kbar ta’ ewro f’pagi, inklużi għal nies li impjegahom minn dik li suppost kienet midja indipendenti. Dan meta s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN kienet u baqgħet għarkupptejha.
U għal Piccinino, l-istorja tal-allegati abbużi b’karti tal-identità tal-mejtin daħlet kexxun. Anke jekk internament kien hemm min kien xettiku jekk il-PN kellux fil-fatt ilissen imqar nofs ta’ kelma dwar dan kollu. Qabelxejn għax kienu jafu minn fejn ġejjin l-allegazzjonijiet u t-tieni għax jafu sew għaliex intilfet l-elezzjoni ġenerali.
“Il-parir kien u għadu biex ma nibqgħux nintrabtu ma’ allegazzjonijiet mitfugħa bl-addoċċ biex forsi jeħel xi ħaġa. Imma ħadd mhu jagħti kas. Piccinino mar lil hinn minn hekk,” qalu s-sorsi tal-KullĦadd.
Piccinino mhux biss insista li din tissemma, iżda anke kkonvinċa lil Bernard Grech biex idaħħal dan fil-messaġġi tiegħu nhar ta’ Ħadd.
Saħansitra s-Segretarju Ġenerali nnifsu ntefa’ jwieġeb il-kummenti fuq Facebook, daqskemm ħass li għalih din l-istorja kienet importanti, waqt li fid-Dar Ċentrali beda jgħidilhom li din tista’ tkun “game changer”. Dan hekk kif bil-Kap bogħod mix-xogħol kien hu li ħa s-sopravvent f’ħafna mid-deċiżjonijiet tal-ġurnata b’ġurnata.
Eventwalment Piccinino spiċċa ċ-ċajta ta’ ħafna fil-kurituri, inklużi tal-ġurnalisti ta’ NET, u fid-Dar Ċentrali ħafna qegħdin jizzikawh billi, minn wara dahru, jistaqsu jekk “qamx il-mejjet”, b’referenza diretta għalih.