Għas-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino, dan l-istess Partit ma naqasx lill-Poplu Palestinjan minkejja l-vot kontra li ħadu l-Ewroparlamentari Nazzjonalisti David Casa u Peter Agius fil-Parlament Ewropew biex ikun hemm dibattitu dwar l-għajnuna lill-Palestina.
Qal, “Ma jfissirx li kif qed tippruvaw tispinjaw li l-Partit Nazzjonslista b’xi mod jew ieħor qed jonqos allura lill-Palestinjani.”
Però l-fatti bl-iswed fuq l-abjad juru kif iż-żewġ MEPs, parti mill-Partit Popolari Ewropew, ivvotaw kontra li jkun hemm dibattitu dwar id-deċiżjoni ta’ Iżrael li jċaħħad lill-Aġenzija tal-Ġnus Magħquda, milli tipprovdi servizzi umanitarji tant bżonnjużi fil-Medda ta’ Gaza.
Għal aktar minn tmenin sena, din l-aġenzija pprovdiet servizzi essenzjali lir-refuġjati Palestinjani.
U avolja din id-deċiżjoni se tfisser impatt devestanti umanitarju fuq ħajjet miljuni ta’ persuni, li spiċċaw f’qagħda aktar vulnerabbli, bi skuża lesta fil-komma, waqt konferenza tal-aħbarijiet biex jiftaħru fuq l-istess partit li jagħmlu parti minnu, is-Segretarju Ġenerali qal li l-kollegi tiegħu vvutaw kontra għaliex nofs siegħa qabel tbiddlet l-aġenda tal-plenarja u huma ma ndunawx.
Imma l-Oppożizzjoni, li ġeneralment tagħmel l-oppost, jivvutaw favur mozzjonijiet kontra pajjiżna, u kontra għajnuna umanitarja fil-Lvant Nofsani.
Fl-istess konferenza kompliet titla’ fil-wiċċ l-arroganza tal-esponenti Nazzjonalisti mal-ġurnalisti ta’ dan l-istazzjon għaliex hekk kif beda jiġi ppressat minn ONE News, Piccinino infexx jgħajjar lill-ġurnalista u jgħid li ma tifhimx.
Qal, “Tider li ma tafx kif jaħdem il-Parlament Ewropew.”
Din mhijiex l-ewwel darba li Deputati Nazzjonalisti infexxew jgħidu li l-ġurnalisti ta’ ONE News ma jifhmux.
Dan sostnieh ukoll id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech barra l-Parlament għaliex skontu, ried imeri s-sewwa magħruf tad-deċiżjoni tal-Qorti fil-kontront ta’ spots dwar il-budget u l-mandat ta’ inibizzjoni li kien ressaq il-Partit Nazzjonalista ġie miċħud.
Qal, “Ċaħditu fuq punti legali li ma tifhimx fihom inti. Il-Qorti ċaħdet il-mandat fuq punti purament legali li inti ma tifimx fihom.”