Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino sostna li l-bieb għadu miftuħ għall-Jason Azzopardi sabiex jerġa’ jingħaqad mal-Partit Nazzjonalista.
Huwa qal dan waqt dibattitu politiku flimkien mad-Deputat u Kap Eżekuttiv tal-Partit Laburista Randolph de Battista fuq il-programm Insights fuq l-istazzjon nazzjonali, il-Ħamis filgħaxija.
Preżentatur – Jiġifieri post għalih hemm?
Michael Piccinino – Iva. Mela. Hemm ovvjament għaliex Jekk Jason Azzopardi jħossu komdu fil-Partit Nazzjonalista. Fil-Partit Nazzjonalista li rridu naħdmu lkoll flimkien allura biex inġibu l-bidla fil-pajjiż ħalli allura jkun hemm bidla fid-direzzjoni, iva, il-bieb miftuħ għal kulħadd.
Michael Piccinino qal dan meta kien qed jiġi mistoqsi dwar is-Shadow Cabinet ta’ Bernard Grech u kif l-istess Kap kellu jobdi mill-establishment tal-Partit Nazzjonalista biex jerġa’ jdaħħal lil ewlenin ta’ GonziPN, jiġifieri Chris Said, Mario de Marco u Carm Mifsud Bonnici, lura bħala kelliema fi ħdan dan l-istess Shadow Cabinet.
Dan anke wara li Beppe Fenech Adami fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja, ordna lil Bernard Grech biex jagħmel hekk.
Fenech Adami kien qal, “naħseb deċiżjoni żbaljata u nittama li dik il-ħaġa tiġi rranġata. Jien naħseb li kien żball li lil dawn it-tliet persuni m’għamilhomx kelliema u ma tahomx dekasteru. Naturalment, kien hemm loġika, però naħseb li hu żball li aħna nippruvaw fil-politika tagħna ma nipproteġux u ma niftaħrux bil-legat tal-PN.”
Intant, Michael Piccinino kien mistoqsi dwar l-għaqda fil-Partit Nazzjonalista.
Preżentatur – “Hemm għaqda fil-Partit jew ma hemmx?
Michael Piccinino – “Iva.”
Madankollu din id-dikjarazzjoni stunat sew mal-aħħar żviluppi fil-Partit Nazzjonalista li kkonfermaw propju l-oppost.
Fil-fatt, ftit tal-jiem ilu l-MaltaToday, irrappurtat dwar aktar firda fil-Partit Nazzjonalista u li dehret ċara f’laqgħa taħraq tal-Grupp Parlamentari.
Hemmhekk numru ta’ deputati poġġew pressjoni fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, u għaddewlu l-messaġġ li, iktar milli x’se jagħmlu huma, aħjar jara x’se jagħmel hu.
Fil-fatt, din il-laqgħa reġgħet spiċċat maqsuma f’żewġ fazzjonijiet: bejn dawk li huma kuntenti bil-Kap Bernard Grech u dawk li bdew kontinwament jisfidawh biex jgħid x’qed jagħmel biex it-tmexxija tiegħu tinħass iktar.
Din il-firda fil-Partit Nazzjonalista fl-aħħar ġimgħat dehret kemm għadha tiddomina wkoll, bil-kummenti ta’ Claudette Buttigieg dwar dak li ġara fis-Sajf tal-2020, u l-aġir tal-famużi Blue Heroes, biex tqaċċat Adrian Delia minn Kap Nazzjonalista.
Fuq ir-radju tal-Knisja wkoll, Claudette Buttigieg sostniet li ma jiddispjaċiha xejn li marret għand il-President sabiex jitqaċċat il-Kap Nazzjonalista Adrian Delia mit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista.
Preżentatur – “Jiġifieri jiddispjaċik li għamilt hekk, li kont involuta?”
Claudette Buttigieg – “Le.”
Preżentatur – “Ħallast il-prezz imma?”
Claudette Buttigieg – “Hekk hu.”
Preżentatur – “Jiġifieri l-prezz tal-popolarità mhux the ultimate price.”
Claudette Buttigieg – “Dak il-mument ħassejt li għamilt the right thing. Jien ma tantx nieħu deċiżjonijiet ħajti li jiddispjaċini fuqhom.”
Għal dawn il-kummenti bosta Deputati Nazzjonalista fosthom, Alex Borg, David Agius u anke Janice Chetcuti dehru evidentament skomdi.
Madankollu għal Michael Piccinino, il-feriti fil-Partit Nazzjonalista, qed jingħalqu aktar ma jgħaddi ż-żmien.
Preżentatur – “Il-feriti ngħalqu?”
Michael Piccinino – “Il-feriti ovjament jingħalqu aktar ma jgħaddi ż-żmien.”