Philip Vella rebaħ it-43 edizzjoni tal-festival tal-Għanja tal-Poplu. Il-kanzunetta Il-Verità li għandha l-kliem u mużika ta’ Vella stess kisbet l-ewwel post fost is-16 il-finalisti li s-Sibt li għadda ħadu sehem f’dan il-festival li jippromwovi l-kanzunetti oriġinali bil-Malti. Il-kunċert sar bis-sehem tal-Malta Concert Orchestra taħt id-direzzjoni ta’ Mro Joe Brown u Mro Paul Abela.
Fit-tieni post ġiet Cherylis bil-kanzunetta Tfewwaħ segwita minn Rachel Lowell bil-kanzunetta Minn Kajfas għal għand Pilatu. Matul is-serata Johnston Farrugia, magħruf bħala l-Hooli, kif ukoll Mike Spiteri ngħataw ir-rikonoxximent L-Għanja li Tibqa’. Dan ir-rikonoxximent jingħata lill-personalitajiet li jkunu taw kontribut fit-tul għall-kanzunetta Maltija bl-ilsien Malti.
Rachel Lowell ħadet il-premju Kanzunetta Oriġinali għad-diska Minn Kajfas għal għand Pilatu, filwaqt li l-premju għall-Aħjar Interpretazzjoni mar għand Janice Mangion. Cherylis, li ġiet fit-tieni post, kisbet il-premju għall-Aħjar Kantawtriċi.
Dan il-festival ilu jsir mill-1973, u li sar avveniment annwali mistenni minn bosta li għandhom għal qalbhom il-mużika bl-ilsien Malti. It-43 edizzjoni tal-festival sar fit-Teatru Rjali fil-Belt Valletta, ippreżentat mill-kantanta Maltija Corazon Mizzi. Bid-diska rebbieħa ntgħażlet minn seba’ ġurija ġejjin minn oqsma differenti fis-settur tal-midja u l-kultura f’pajjiżna.