Hekk kif Malta qed tkompli ssaħħaħ bil-kbir is-settur turistiku, id-Deputat President u l-Kap tas-Settur Turistiku fi ħdan il-Kamra tan-Negozji Żgħar u Medji, Philip Fenech, saħaq li t-tkabbir għandu jimxi paripassu mat-tkabbir infrastrutturali lokali.
F’intervista mal-BusinessNow, Fenech ukoll jiddefinixxi xi jfisser li jkollna turiżmu ta’ kwalità, peress li ħafna drabi tiġi misinterpretata. Hu jenfasizza li dan ifisser li pajjiżna jkollu kwalitajiet għoljin f’kull livell biex jattira lil dawk li kapaċi jonfqu iżjed.
Fil-fatt, hu faħħar il-ħidma pożittiva li qed issir f’diversi oqsma, inkluż fis-Settur Pubbliku, bħall-manutenzjoni tad-dawl, fit-toroq, spazji ħodor u t-trasport. Hu qal li, permezz ta’ dan l-investiment, il-pajjiż għandu l-opportunità li jkollu għażla fuq it-tip ta’ turist li jrid jittratta u jilqa’ fi ħdanu.
Aktar minn hekk, hu enfasizza fuq l-importanza tal-konnettività tal-arju ma’ bosta pajjiżi oħrajn, mhux biss ma’ linji tal-ajru low-cost, imma anke ma’ linji kbar stabbiliti, biex pajjiżna jġib turisti minn pajjiżi ’l bogħod li kapaċi jonfqu aktar.
Hu temm jgħid li l-istandard ta’ kull qasam fis-settur turistiku għandu jkun tal-ogħla kwalità u effiċjenza biex dejjem ikun hemm suq mexxej u pożittiv.