Il-President tal-Għaqda Nanniet Malta, Philip Chircop rebaħ il-Premju Anzjanità Attiva ta’ din is-sena. Dan wara li tħabbru uffiċjalment ir-rebbieħa tal-Premju Anzjanità, f’ċerimonja differenti minħabba l-imxija.
Dan hekk kif in-nominati kienu qed isegwu din iċ-ċerimonja b’mod virtwali.
F’kummenti wara li reġa’ rebaħ dan il-premju, is-Sur Chircop ħassu sorpriż ħafna.
Is-Sinjura Doris Cannataci rebħet il-Premju tal-Anzjanità Akkademika u s-Sur Lawrence Bugeja rebaħ il-Premju Anzjanità Sportiva fost oħrajn.
Dan filwaqt li t-titlu Nanniet tas-Sena ħaditu s-Sinjura Franġiska Briffa u dak tas-Solidarjetà Interġenerazzjonali mar għand is-Sinjura Maria Theresa Camilleri.
Il-Premju Anzjanità Attiva, li huwa avveniment ta’ skala nazzjonali u li jsir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta huwa mmirat biex jippremja lil dawk li jagħmlu ammont kbir ta’ xogħol, b’impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-Anzjanità Attiva.
Waqt din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella qal li jixtieq li l-anzjanità tiġi diskussa aktar spiss, speċjalment fejn tidħol is-solitudni fost l-anzjani.
Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Silvio Parnis qal li l-gvern qiegħed juri l-apprezzament tiegħu lejn kull min qed jaħdem għal soċjetà iżjed inklussiva.
Huwa saħaq li dan il-premju jħeġġeġ lill-anzjani jibqgħu attivi.
Irrimarka li dan ma jgħoddx biss għall-anzjani li jgħixu fil-komunità iżda wkoll għal dawk li jgħixu fi djar għall-anzjani.