Peter, il-kelb tad-Dwana, wassal għal sejba fl-ajruport ta’ ammont konsiderevoli ta’ flus li kienu f’bagalja ta’ Malti li kien se jħalli pajjiżna lejn Istanbul.
Wara li l-kelb identifika l-passiġġier, l-uffiċjali tad-Dipartiment ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus fl-ajruport staqsewh kemm kien qed iġorr flus.
Il-passiġġier wieġeb li huwa konxju tal-liġi u kien qed iġorr inqas minn tmint elef ewro.
Minħabba r-reazzjoni tal-kelb, l-uffiċjali ma kinux konvinti bir-risposta tar-raġel u għamlu tfittxijiet fil-bagalja li kien qed iġorr miegħu, fejn kellu kważi għaxart elef ewro.
F’bagalja oħra li kien diġà għadda meta għamel iċ-check-in, instabu elfejn ewro oħra, bl-ammont totali ta’ flus mhux iddikjarati fiż-żewġ bagalji kien ta’ ħdax-il elf, disa’ mija u tmenin ewro.
Ir-raġel ġie mmultat mill-ewwel kif stipulat bil-liġi, u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin b’rabta ma’ attivitajiet illegali.
Din is-sejba hija riżultat ta’ ħidma b’sinerġija bejn it-Taqsima tad-Dwana ta’ Kontra l-Ħasil tal-Flus, u t-Taqsima tal-Klieb.
Skont il-liġi Maltija, flus jew ċekkijiet b’valur ta’ għaxart elef ewro jew iktar għandhom jiġi ddikjarati mal-Uffiċċju tad-Dwana qabel jew waqt vvjaġġar.
Dan japplika wkoll għal kwalunkwe pajjiż ieħor fl-Unjoni Ewropea.
Fi stqarrija, id-Dwana nnutat li din kienet sena rekord għal sejbiet mill-kelb tad-Dwana Peter, li jispeċjalizza f’sejbiet ta’ flus.