Peter Fenech, l-eks Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista u llum Kap tal-Kamra tal-Avukati, kien fost il-firmatarji, f’isem kumpanija tal-kiri tal-karozzi involuta f’każ fil-Qorti, f’kuntratt mal-klabb tal-futbol ta’ Santa Luċija, li qed jikser ftehim ta’ allokazzjoni tal-faċilitajiet sportivi mill-Gvern, permezz ta’ SportMalta.
L-avukat, magħruf għall-qrubija tiegħu mal-Partit Nazzjonalista u, b’mod partikolari, l-eks Kap Simon Busuttil, sħab fin-negozju flimkien, iffirma l-kuntratt għall-kiri ta’ parkeġġ biswit il-grawnd ta’ Santa Luċija FC fl-aħħar ta’ Lulju li għadda.
Minkejja dan, kif żvelat mill-ġurnal MaltaToday, tali kuntratt kummerċjali jikser ftehim ta’ leasing li sar bejn SportMalta u l-klabb tal-futbol.
Dan bħala parti mill-inizjattiva tal-Gvern Laburista li jċedi artijiet lill-assoċjazzjonijiet sportivi biex ikunu jistgħu jamministraw bl-aħjar mod il-faċilitajiet użati minnhom għall-ġid tal-atleti u l-komunità li joperaw fiha.
Minkejja dan, il-kuntratt li sar bejn Santa Luċija FC u l-kumpanija Princess Holdings Limited, li tmexxi Sicily by Car u għaliha deher, fost l-oħrajn, Dr Fenech, biex parti sew mill-parkeġġ f’Dawret it-Torri tittieħed mill-vetturi tal-kiri, jikser il-kundizzjonijiet imposti f’tali ftehim.
Dan ġie kkonfermat minn SportMalta stess mal-MaltaToday nhar il-Ħamis, li qalet li ordnat lill-klabb biex jirrimedja s-sitwazzjoni jew jiffaċċja proċeduri legali.
Il-Viċi President ta’ Santa Luċija FC, Kevin Attard, li tkellem mal-gazzetta, insista, iżda, li mhemm xejn ħażin, ladarba dan hu parti minn ftehim ta’ sponsorship u l-ħlas ġie approvat mill-bank għall-kiri tal-ispazju, li qal li hu privat.
Fuq il-kuntratt bejn Santa Luċija FC u Princess Holdings Limited, l-Avukat Peter Fenech jiffirma f’isem il-kumpanija bħala amministratur imqabbad mill-Qorti.
Il-kiri tal-ispazju għall-vetturi tal-kiri wkoll qajjem l-għadab tar-residenti u l-Kunsill Lokali, immexxi minn Charmaine St John, li f’post fuq il-midja soċjali ppubblikat ittra bl-avukat, datata l-Ġimgħa 6 ta’ Settembru, li ntbagħtet lil SportMalta fejn ġie rrimarkat li l-post mhux biss ingħalaq għall-aċċess lill-pubbliku, għax saret grada, iżda wkoll dan mingħajr l-approvazzjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar.
SportMalta ntalbet mill-Kunsill biex tieħu azzjoni immedjata u l-post ikun mill-ġdid aċċessibbli għal kulħadd.