Il-Malta Football Association appuntat lil Peter Busuttil fil-kariga ta’ Supporters Liaison Officer.
Dan ifisser li se jkun qed jidjaloga mal-partitarji tal-futbol u joffri għajnuna fi problemi li jistgħu jiltaqgħu magħhom waqt l-impenji tagħhom fil-klabb u waqt il-partiti tagħhom fl-istadia lokali. Dan għandu jgħin biex il-leħen tal-partitarji jkollu mezz aħjar u jasal għand l- Assoċjazzjoni u l-awtoritajiet kompetenti.
Is-Sur Busuttil se jkun qed jieħu ħsieb ukoll ir-rwol ta’ Disability Access Officer. Dan l-irwol se jkun qed jaġevola aktar l-aċċessabilita’ tal-persuni b’diżabilita’ biex l-MFA tara kif tista’ ttejjeb il-faċilitajiet tagħha u tħaddan il-prinċipji ta’ ‘Football For All.’
Din il-kariga tħares biex l-interessi ta’ dawk kollha li huma involuti fil-futbol lokali jiġu mħarsa u rispettati.
F’kumment li ta fuq din il-ħatra, Norman Darmanin Demajo, President tal-MFA, qal: “Qed nevolvu minn perjodu ta’ awsterità għal wieħed li fih qed nofru aktar opportunitajiet. Dan kollu qed jagħti messaġġ ħafna aktar ċar tal-bżonn ta’ aktar aċċess għall-persuni bi bżonnijiet speċjali biex nagħmlu l-futbol aktar aċċessibbli għal kulħadd.”