Il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius ħa falza stikka oħra wara li, għal ftit mumenti ta’ pubbliċità rħisa, kien pront jirrapporta proprjetà f’Għajn Riħana, fin-Naxxar, lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi, l-OLAF, dwar allegat miżapproprjazzjoni ta’ fondi Ewropej fuq proprjetà li, skont hu, kienet qed tiġi żviluppata f’villa.
Fil-verità, kif stħarrġet u żvelat il-gazzetta Times of Malta, il-post hu tassew razzett tan-nagħaġ minn fejn isiru prodotti tal-ħalib. Rapport tat-Times fil-ħarġa tal-Ħadd kixfet kemm il-kandidat Nazzjonalista spara bl-addoċċ l-akkużi, mingħajr lanqas biss ivverifika l-fatti.
Fil-fatt ġie kkonfermat mit-Times li Agius fattarha dwar il-proprjetà, li bbenefikat minn fondi tal-Unjoni Ewropea għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ, u ma teżisti l-ebda villa, kif implika l-librar Ewropew. Wara spezzjoni fuq il-post fejn anke tkellmet mas-sid, it-Times ikkonfermat li dan hu fil-fatt razzett b’madwar mitt nagħġa.
Peter Agius, li ftaħar li qed jiġġieled il-korruzzjoni b’metodi ġodda, baqa’ jispekula li fir-razzett, li hu mmexxi minn Kurt Buhagiar, wieħed mill-iżviluppaturi tas-sit f’Kordin fejn inħasdet il-ħajja ta’ Jean Paul Sofia fl-2022, intużaw mat-€360,000 minn fondi Ewropej biex tinbena villa. Dan anke jekk it-Times uriet bil-fatti li l-flus intużaw biex jiġi rranġat ir-razzett.
Minn evalwazzjoni ta’ diversi dokumenti, li għamlet il-gazzetta, joħroġ li l-faċilità hi liċenzjata kif suppost, bin-nagħaġ kollha rreġistrati wkoll mad-Dipartiment Veterinarju u l-produzzjoni rreġistrata mal-awtoritajiet relatati.
Mat-Times, Buhagiar innifsu spjega li kien xtara l-art aktar minn disa’ snin ilu u matul is-snin ingħata diversi fondi Ewropej li jkopru r-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ u biex ikun jista’ jibni l-kumpanjia tiegħu.
Hu qal li l-aġenzija għall-Agrikoltura u l-Pagamenti Rurali u l-Awtorità għall-Immaniġjar tal-Fondi tal-Unjoni Ewropea żaru l-post diversi drabi biex jiċċekkjaw li dak li nbena u t-tagħmir jaqbel mal-pjani approvati.
Hu ċaħad kategorikament dak li nqabad iħarref dwaru Peter Agius u li anke rrapportah biex jiġi investigat fl-istituzzjonijiet Ewropej.
Huwa tenna li jħobb dawn l-annimali b’qalbu kollha u għandu passjoni kbira għall-produzzjoni tal-ġobon.
Buhagiar temm jgħid li qed jistenna li Agius jirtira kull allegazzjoni li għamel f’ismu mal-OLAF għax dawn huma kollha gideb.