Spiss jilmenta dwar in-nuqqas ta’ interpeti tal-Malti fil-Parlament Ewropew, iżda meta ġie għas-si u n-no fil-possibbiltà li dawn jiżdiedu, kif jixraq, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista Peter Agius għamel il-kontra. Ieħor li f’Malta jgħid mod, iżda mbagħad fi Brussell jagħmel bil-maqlub.
Dan hekk kif Peter Agius ivvota kontra klawżola biex titressaq fil-baġit tal-Parlament Ewropew ħalli jiżdied l-impenn fejn jidħol il-prinċipju tal-multi-lingwiżmu, li jżid il-fondi allokati għas-servizzi ta’ interpreti fil-Parlament Ewropew u biex jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ mpjieg għall-Maltin u l-Għawdxin f’dan il-mistier.
Hu fatt magħruf li, fil-Parlament Ewropew, hemm nuqqas ta’ interpreti Maltin, għajr dawk li jaħdmu għal rashom. L-istanzi fejn l-Ewroparlamentari Maltin ma jitħallewx jitkellmu bl-ilsien tagħhom kienu bosta, minkejja li l-Malti hu wieħed mill-24 lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Il-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista, li mhux biss jisħqu fuq dan ir-rigward, iżda wkoll jaħdmu biex jassiguraw li l-ilsien Malti jkun rispettat fi Brussell u lil hinn fl-istituzzjonijiet Ewropej kollha.
Iżda Agius ukoll ivvota kontra l-pożizzjoni meħuda minn sieħbu l-Ewroparlamentari David Casa.
L-Ewroparlamentari u l-Viċi President tas-Soċjalisti, Alex Agius Saliba, saħansitra kien indirizza dan l-aspett, meta f’okkażjoni minnhom ma tħalliex jitkellem bil-Malti.
Min-naħa tiegħu, il-Ewroparlamentari Laburista Thomas Bajada wkoll kellu għadd ta’ laqgħat ma’ gruppi u għaqdiet ta’ interpreti kemm f’pajjiżna kif ukoll fil-Parlament Ewropew biex is-sitwazzjoni tissolva.