Lejliet li l-Kummissjoni Ewropea se toħroġ rapport dwar is-saltna tad-dritt fl-istati membri, inkluż f’Malta, il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius kiteb ittra li biha attakka lil Malta u l-Gvern Malti u bagħatha lil Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Věra Jourová.
Peter Agius semma l-inkjesta dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet u fi stqarrija li biha ftaħar li bagħat ittra lill-Kummissjini Ewropea qal li wasal iż-żmien li l-Ewropa tikxef snienha mal-Gvern Malti.
Skontu, il-Gvern Malti mhux jagħti l-istampa korretta quddiem rapport dwar is-saltna tad-dritt li għad irid joħroġ fuq Malta mill-Kummissjoni Ewropea.
Peter Agius talab ukoll għal azzjoni tanġibbli kontra Malta wara li qal li hemm attakki fuq il-ġudikatura.
Peter Agius mhux l-ewwel darba li kiteb ittri u bagħathom biex jirrapporta lil Malta.
Huwa kien talab investigazzjoni fuq il-fondi Ewropej miksuba minn Malta.
L-istess bħal David Casa, li dan l-aħħar kiteb ittra lil Bank Ċentrali Ewropew fuq il-Professur Edward Scicluna.
Peter Agius kiteb l-ittra u ried juri u jagħti pubbliċità l-azzjoni li għamel hekk kif jinsab f’kompetizzjoni ma’ David Casa biex jikseb siġġu fil-Parlament Ewropew.