Il-kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew Peter Agius qal li nies, bħal David Casa u Roberta Metsola, li instigaw dibattiti f’dawn l-aħħar ħames snin kontra Malta u vvotaw kontra Malta, kellhom raġun jagħmlu dan.
F’dibattitu mal-kandidat Laburista Daniel Attard, Agius ma ddejjaq xejn jiġġustifika l-aġir ta’ nies, bħal Casa, li ħalef li jagħmel gwerra qaddisa kontra l-Laburisti.
Daniel Attard: “Min imur fil-Parlament Ewropew jaħdem kontra Malta, jivvota kontra Malta.”
Peter Agius: “Imma din x’għandha x’taqsam? Se mai kellhom raġun.”
Roberta Metsola u David Casa ħadmu kontra Malta, iżda favur il-Bulgarija, tant li tal-ewwel kienet iffaċċjat protesti kbar talli ddefendiet gvern, immexxi minn partit fil-grupp politiku tal-Partiti Popolari Ewropej, l-EPP, li miegħu hu affiljat il-Partit Nazzjonalista.
Fil-Bulgarija, lil Metsola kienu laqqmuha bħala Mrs Mafia.
L-istess żewġ Ewroparlamentari Nazzjonalisti wkoll imblokkaw dibattitu dwar il-Greċja, għax il-partit fil-Gvern f’dan il-pajjiż ukoll imsieħeb fl-EPP. U dan meta l-Gvern Grieg ġie akkużat li interċetta telefonati fuq rivali politiċi u anke ġurnalisti.
Il-kandidat Laburista Daniel Attard irrimarka d-differenza bejn il-politika tal-Partit Nazzjonalista u dik tal-Partit Laburista, li tibqa’ favur Malta dejjem.
“Ħaddieħor irid jagħmel gwerra fuq il-Maltin, jien irrid inkun tarka tal-Maltin. Mhux tarka tal-Laburisti ta jew tan-Nazzjonalisti. Jien irrid inkun tarka tal-Maltin u l-Għawdxin kollha. Żgur mhux se nkun isteriku, bħalma kien Peter Agius, issa. Ninfexx f’tgħajjir personali, f’attakki personali. Żgur ma rridx li nieħu lill-pajjiż lura għaż-żminijiet tal-estremiżmu fejn joħorġu mill-Parlament jiddikjaraw il-bojkotts. Jiena nippreferi politika tad-dibattiti, politika fejn inħabbtu l-ideat, politika fejn ma nitgħajrux personalment, politika li tgħaqqad u mhux tifred, politika li taħdem fuq l-imħabba u mhux fuq il-mibegħda, politika li tibni u mhux tkisser, politika li ġġib lil Malta l-ewwel u qabel kollox, dejjem u kullimkien.”
Daniel Attard – Kandidat Laburista