L-Ewroparlamentari Nazzjonalista Peter Agius ġie mmultat ħames mitt ewro wara li naqas milli jinforma lill-awtoritajiet konċernati dwar xogħlijiet ta’ kostruzzjoni fuq binja mhux abitabbli fil-Mosta, li qabel l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew f’Ġunju, kien iddikjaraha bħala r-residenza personali tiegħu.
In-nuqqasijiet minnu kienu wkoll jinkludu pjan ineżistenti ta’ saħħa u sigurtà fuq l-istess sit irreġistrat fuq mart l-MEP Nazzjonalista.
Kien proprju ONE News li kixef l-ipokresija dak iż-żmien tal-kandidat Nazzjonalista li, lejlet l-aħħar elezzjonijiet, kien iddikjara l-indirizz tiegħu anke mal-Kummissjoni Elettorali fuq post ġebel u saqaf.
Dakinhar, viżibilment mifxul, Agius kien qalilna li hu jgħix fl-uffiċċju li jinsab fit-terran u, biex jiġbor ġieħu, kien tella’ filmat onlajn biex juri li seta’ jgħix fih, anke jekk minnu kien jidher ċar li l-post ma kienx abitabbli.
Mat-Times of Malta wara li nħarġitlu l-multa, Agius ipprova jgħatti xturu billi ddikjara li l-proġett ma kienx immexxi minnu direttament, imma minn terzi. Minkejja dan, insista li l-binja kienet konformi mar-regolamenti kollha meħtieġa.
Peter Agius, bħall-bqija tal-Partit Nazzjonalista, kien kritiku ħafna fuq il-liġijiet tal-kostruzzjoni f’pajjiżna, anke meta bdew isiru r-riformi kbar u bla preċedent fl-aħħar żminijiet.