Hekk kif ftit tal-jiem ilu fetaħ l-istaġun tas-sajd għal-lampuki, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista, Peter Agius, infexx f’kampanja ta’ miżinformazzjoni.
F’filmat li ttella’ mis-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, Alicia Bugeja Said, ġie ċċarat kif il-miżuri applikati fis-settur relatat mas-sajd għal-lampuki, japplikaw għall-membri kollha fi ħdan l-Unjoni Ewropea u mhux f’Malta biss, kif qed jiġi implikat minn xi wħud.
Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif inizzjalment, l-ewwel proposta kienet li sajjied dilettant seta’ jaqbad ħuta waħda biss, iżda, dan ma setax jiġi aċċettat u għalhekk il-Gvern Malti ħadem qatigħ biex isaħħaħ il-kwota u b’hekk din telgħet għal 10 kilogrammi kuljum għal kull sajjied dilettant jew 70 kilogrammi fil-ġimgħa.
Dan ifisser li dgħajsa bi tliet sajjieda fuq bastiment wieħed, jistgħu jaqbdu sa’ 30 kilogramma kuljum.
Peter Agius kompla jxerred miżinformazzjoni dwar id-daqs tal-lampuki maqbuda u kif “il-bidla minn Malta trid issir”.
Bugeja Said spjegat kif il-ftuħ tal-istaġun fil-15 ta’ Awwissu u r-rekwiżit li l-ħuta trid tkun akbar minn 35 ċentimetru, hija wkoll miżura ħierġa mill-istess liġijiet u mhux xi ħaġa li qed tiġi applikata Malta biss, kif implika l-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalist.
Tenniet li dan il-Gvern jemmen bis-sħiħ fid-delizzju u jemmen ukoll fil-bżonn li s-sajjieda dilettanti għandhom jiġu protetti.
Temmet tgħid kif din il-kampanja ta’ miżinformazzjoni minn Agius m’hi xejn ħlief populiżmu, li biha qed ikompli jiżgwida lis-sajjieda dilettanti.