• Iben Malti li mar l-Istati Uniti jistudja għall-PHD
• Kien Malta għaċ-CHOGM fl-2015
Pete Buttigieg, is-Sindku ta’ South Bend, f’Indiana, għamel uffiċjali n-nomina tiegħu għall-chairman tal-Partit Demokratiku fl-Istati Uniti. Buttigieg huwa iben Malti li mar l-Istati Uniti biex jistudja f’livell ta’ dottorat u meta fl-2015 kien Malta għal ‘business forum’ bħala parti mill-konferenza tal-istati membri tal-Commonwealth kien iddeskriva lilu nnifsu bħala x’aktarx l-uniku politiku fl-Istati Uniti ta’ dixxendenza Maltija.Buttigieg huwa wieħed mill-iżgħar Sindki fl-Istati Uniti u l-Washington Post iddeskrivitu bħala “l-iktar sindku interessanti li se tisma’ dwaru.” Fl-2014 serva wkoll l-Afghanistan u kemm ilu Sindku ta’ South Bend spikka għal mod kif il-belt indirizzat uħud mill-ikbar sfidi ta’ dawn iż-żminijiet.
Fis-sit elettroniku tiegħu Pete Buttigieg qal li qed jikkontesta t-tmexxija għaliex hemm bżonn bidu ġdid għall-Partit Demokratiku. “Wasal iż-żmien li nimxu l-quddiem u nibnu l-ġejjieni tagħna flimkien,” qal il-politiku li kunjomu huwa tant komuni għalina l-Maltin.
“Jiena demokratiku (b’referenza għal isem il-partit) għaliex nemmen fil-libertà, l-ġustizzja, il-familji u l-ġejjieni,” kompla jisħaq fit-tnedija tal-kandidatura tiegħu.
Buttigieg, għandu 34 sena, u huwa politiku gay gradwat minn Harvard u Rhodes. L-elezzjoni li dieħel għaliha hija waħda missielta b’rapporti jgħidu li n-nies li normalment jappoġġjaw lil President Barack Obama u Hillary Clinton jinsabu wara Tom Perez u dawk tas-Senatur Bernie Sanders wara Keith Elisson.