Tħabbar investiment ta’ €2.5 miljun f’Fondi Ewropej li se jkunu qed jibbenefikaw minnhom grupp ta’ persuni li huma meqjusa l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà. Grupp ta’ persuni li jinkludi anzjani u dawk li għandhom xi forma ta’ diżabilità u li għandhom bżonn l-appoġġ tal-Gvern biex f’ħajjithom ikomplu jirnexxu.
Investiment li se jkun qed jaffettwa 1,400 persuna, li fost oħrajn jinkludu professjonisti li jaħdmu dirett ma’ persuni b’diżabilità u anzjani biex ikunu jistgħu jtejbu l-ħiliet tagħhom u għalhekk jitjieb is-servizz li qed jingħata.
Il-professjonisti jikkonsistu f’social workers, carers u persuni li hemm potenzjal li jsiru foster parents.
Se jsir ukoll studju li għandu jidentifika gaps li potenzjalment jeżistu fis-servizzi offruti biex dawn jiġu indirizzati u finalment offruti fiż-żmien li ġej. L-istess riċerka għandha tidentifika dawk il-ħtiġijiet u bżonnijiet individwali li dawn il-persuni verament jeħtieġu.
Dan il-proġett ser jinkludi wkoll programm ta’ edukazzjoni dwar il-litteriżmu finanzjarju li rridu naraw li minnhu joħroġ għarfien biex jiġu indirizzati u mgħeluba vulnerability traps. L-għan hu li jiġu introdotti mezzi biex persuna tipprepara sa minn età żgħira għal meta ssir persuna adulta u anzjana biex ikollha l-mezzi finanzjarji adekwati għal għixien diċenti.
F’kollaborazzjoni mal-MCAST ser jiġi żviluppat kors fuq Benefits Management, u dan se jiġi żviluppat speċifikament bħala programm ta capacity building għall-Istaff tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali.