Ċittadini mir-Renju Unit se jkollhom jibdew iħallsu €7 (£6.30) kull tliet snin biex ikunu jistgħu jivvjaġġaw f’pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea.
Dan ikkonfermatu l-Kummissjoni Ewropea fid-dawl tal-ftehim Brexit, li fakkret ukoll li minkejja li persuni mir-Renju Unit mhux se jkollhom bżonn visa biex jivvjaġġaw, se jkollhom bżonn japplikaw għal dokument ġdid mis-sena 2021.
Din is-sistema l-ġdida se ġġib l-isem tal-Awtorizzazzjoni tal-Ivvjaġġar u l-Informzzjoni mill-Ewropa, l-ETIAS, li se tidħol fis-seħħ fl-2021. Din is-sistema se tibda tgħodd għal pajjiżi oħra li mhux parti mill-Unjoni Ewropea.
Intant, il-Prim Ministru Ingliż Theresa May rebħet vot ta’ fiduċja fil-Parlament f’Westminster, u se tibqa’ tmexxi n-negozjati Brexit. Kollox mistenni jkun iffinalizzat sa Marzu li ġej.