Madwar 70,000 persuna li għandhom ‘il fuq minn 60 sena, flimkien ma’ żewġ żgħażagħ, se jkunu jistgħu jżuru 27 sit u mużew ta’ Heritage Malta mingħajr ħlas.
Dan permezz ta’ passaport speċjali, magħruf bħala l-Passaport tal-Kbar, li se jkompli jżid l-aċċessibbiltà fil-qasam kulturali.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici spjega li wara s-suċċess tal-Passaporti tal-istudenti, li diġà għamlu użu minnu mas-sebat elef tifel u t-tifla u 30 elf adult, l-Aġenzija ddeċidiet li tniedi skema simili mmirata għaċ-ċittadini kbar.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, Noel Zammit, qal li dan il-passaport se jħeġġeġ aktar persuni jżuri l-postijiet storiċi ta’ pajjiżna.
“Bejn wieħed u ieħor qbadna l-popolazzjoni kważi kollha Maltija u Għawdxija fejn tajnihom l-opportunità biex jidħlu b’xejn fil-mużewijiet tagħna fejn jesperjenzaw u jitgħallmu wkoll l-identità tal-Maltin minn fejn ġejja,” qal is-Sur Zammit.
Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis spjega kif dan hu pass importanti li qed isaħħaħ l-aspett fejn joffri lill-anzjani ċ-ċans li jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ ħaddieħor.
Is-Segretarju Permanenti Mario Cutajar qal li permezz ta’ din l-iskema, Heritage Malta se taħdem b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali u b’hekk se timraħ f’oqsma ġodda.
Dawk li jkollhom il-Passaport tal-Kbar jistgu jgawdu minn żjajar bla limitu u bla ħlas f’siti u mużewijiet fosthom tempji u għerien preistoriċi, djar, fortizzi u palazzi, u mużewijiet li jirrelataw man-natura, l-arkeoloġija, il-marittimu, it-tifkiriet tal-gwerra u l-arti.
Il-Ministru Bonnici spjega kif din l-iskema se toffri opportunità unika lill-anzjani biex jersqu aktar lejn iż-żgħażagħ u jaqsmu magħhom esperjenzi validi u awtentiċi fejn permezz t’hekk se jibdlu jiem ordinarji f’mumenti straordinarji.
Dawk l-individwi li huma interessati li japplikaw għal passaport tal-Kbar jistgħu jagħmlu dan fil-Kunsill Lokali tagħhom.