L-eks Ministru ta’ żmien GonziPN u avukat tal-għaqda Repubblika, Jason Azzopardi, li fl-aħħar elezzjoni ġenerali ma nġabarx, qiegħed kull ma jmur ikompli jġib diżgwid, ġlied u firda fil-Partit Nazzjonalista.
Ikkonfermaw dan persuni midħla tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista stess u dan wara li, fl-aħħar jiem, crew ta’ ONE News mar quddiem il-Parlament u staqsa lid-deputati Nazzjonalisti jekk jaqblux ma’ dak li qal il-perċimes tal-fazzjoni estremista Nazzjonalista, Karol Aquilina, jiġifieri li l-PN għandu bżonn aktar nies bħal Jason Azzopardi.
Beppe Fenech Adami, magħruf kemm hu biċċa waħda mal-istess Aquilina u l-għaqda Repubblika faħħar lil Azzopardi, li fl-aħħar ftit ġimgħat gideb darbtejn fil-konfront ta’ individwi.
Iżda mbagħad kien hemm deputati li tefgħu l-botti lejn Azzopardi.
Notevoli kien il-kumment ta’ Ivan Bartolo tas-6PM li, meta mistoqsi dwar nies li faħħru lil Azzopardi, b’referenza allura għal Karol Aquilina, bagħatna nistaqsu proprju lil dawk li qed ifaħħruh.
Mal-mikrofonu ta’ ONE News, l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li kien vittma tal-perċiment Jason Azzopardi biex tqaċċat mit-tmexxija fl-2020, ipprova jfarfar, għalkemm ħafna jiftakru d-dikjarazzjonijiet tiegħu jiddeskrivi lil Azzopardi bħala l-akbar giddieb.
Deputati oħrajn imwerwrin minn Azzopardi u, għax ma jridux jinqabdu bejn il-fazzjonijiet li jiddominaw fil-PN, ħarbu jiġru mill-mikrofonu tagħna.
L-istess sorsi fil-Partit Nazzjonalista, li tkellmu magħna, qalu li Jason Azzopardi għandu saħħa kbira interna fejn, flimkien ma’ Karol Aquilina, meqjus bħala l-Kap de facto attwali, Simon Busuttil u David Casa, qed jiddettaw dak kollu li jsir mid-Dar Ċentrali, b’Bernard Grech ikollu jbaxxi rasu għal dak kollu li jordnawlu.