Hekk kif fadal ftit iktar minn sena għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali s-sena d-dieħla, il-Partit Laburista qed iħajjar persuni kompetenti biex jingħaqdu mat-tim ta’ kadidati għal dawn l-elezzjonijiet.
Dan permezz tal-kampanja ‘Agħti Sehemek’. Fi kliem il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, dan kollu qed isir bil-għan li s-servizz mill-Kunsilli jkun wieħed ta’ livell ogħla.
Spjega li “L-għan tagħna hu, u għalhekk bdejna kmieni, biex dak li jkun anke jkun imħejji.. se jkun hemm żmien, perjodu twil biżżejjed, fejn se nkunu qed norganizzaw taħriġ apposta għal dawn il-kandidati, kif ukoll għal kunsilliera attwali, biex ikunu mħejjija aħjar fl-eventwalità li jiġu eletti.. u b’hekk is-servizz tagħhom ikun anke superjuri għal dak li mdorrijin bih.”Fi ftit jiem, spjega Fava, diġà wrew interess iktar minn sebgħin persuna – numru li fi kliemu, huwa nkoraġġanti ferm.
B’referenza anke għall-programm Lead, li ftit tal-ġimgħat ilu safa attakkat mill-Partit Nazzjonalista, is-Sur Fava qalilna li jidher li se jilħaq il-mira tiegħu.
Fava qal li “Jidher li mhux se jkun hemm problemi anqas biex nilħqu l-mira ta’ 35% ta’ nisa fl-involviment tagħhom fil-politika anke f’dawn l-elezzjonijiet.. u anke ottimist li se nilħqu l-miri kollha li ssettjajna lilna nfusna.”
Is-Sur Fava spjega li min hu mħajjar jista’ jiġbor l-applikazzjoni mis-Segretarjat tal-Partit Laburista, u jitkellem direttament miegħu.
U għal dawk imħajra, iżda li għal xi raġuni qed joqgħodu lura, ħeġġiġhom biex ma jibżgħux jipparteċipaw, sabiex finalment iservu lill-poplu fuq bażi lokali.