Anzjan ta’ sebgħin sena jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li mara ta’ sebgħa u għoxrin sena ġarrbet ġrieħi gravi wara ħabta li ġrat bejn taxi u double-decker f’San Pawl il-Baħar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tal-ħdax tat-Tnejn filgħodu fi Triq ix-Xemxija xħin taxi misjuqa minn mara ta’ sebgħa u għoxrin sena residenti l-Pietà ħabtet ma’ doubledecker misjuqa minn raġel ta’ tlieta u tletin sena residenti l-Ħamrun.
Fit-taxi kien hemm żewġ passiġiera anzjani, mara ta’ tnejn u sittin sena u raġel ta’ sebgħin sena residenti l-Mellieħa.
Fuq il-post immedjatament issejħu ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili li bdew operazzjoni biex isalvaw lin-nies maqbuda fit-taxi.
Fuq il-post issejħet ukoll ambulanza li ħadet lill-vittmi l-Isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ftit wara ġie ċċertifikat li l-anzjan ta’ 70 sena jinsab fil-periklu li jitlef ħajtu.
It-tabib iċċertifika wkoll lix-xufiera tat-taxi bi ġrieħi gravi filwaqt li l-anzjana passiġġiera fit-taxi ġarrbet ġrieħi ħfief.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr. Josette Demicoli li ħatret inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.