Mit-Tlieta wieħed u tletin ta’ Marzu, nhar festa nazzjonali, mhux se jkun permess li n-nies ikunu barra fi grupp ta’ aktar minn tliet persuni. Min jinqabad jikser din il-liġi u jkun fi grupp ta’ aktar minn tliet persuni se jiġi mmultat mitt ewro kull persuna li jkun hemm fil-grupp.
Ħabbar dan il-Ministru għall-intern u s-sigurtà nazzjonali Byron Camilleri f’konferenza tal-aħbarijiet wara l-laqgħa tal-Kabinett li fiha ġew diskussi aktar miżuri sabiex jonqos it-tixrid tal-Coronavirus. Dan wara li matul il-ġurnata tal-Ħadd il-pulizija kellhom jum impenjattiv iferrxu lin-nies li ma obdewx l-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa u ħarġu fi gruppi.
Għaldaqstant se jiġi ppubblikat avviż legali li jipprojbixxi li f’postijiet pubbliċi, bħal ħdejn il-baħar u fil-kampanja ma jistgħux ikun hemm gruppi ta’ aktar minn tliet persuni.
Iżda l-persuni li jgħixu fl-istess residenza jistgħu jkunu fi grupp ta’ aktar minn 3 persuni.
Bil-pulizija se tkompli żżid il-preżenza barra fosthom biż-żwiemel tal-kavallerija li se jkunu qegħdin jagħmlu spezzjonijiet f’żoni rurali u jfirrxu n-nies.
Din il-liġi mhux se tapplika għal nies li jkunu qegħdin jistennew fil-kju, minkejja li dawn iridu jżommu distanza ta’ mill-inqas żewġ metri.
Ġie deċiż li f’postijiet pubbliċi se jiġi limitat s-servizz tal-WIFI, biex jiġu limitati grupp ta’ persuni f’postijiet pubbliċi.
Il-Ministru Byron Camilleri qal li bħalissa mhux żmien li n-nies imorru picnic.
Saħaq li lkoll għandna nsegwu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex nipprevenu t-tixrid tal-virus.