Meta persuna b’kondotta nadifa tiġi akkużata u tinstab ħatja l-ewwel darba quddiem il-Qorti tad-Droga, għax tkun waqgħet vittma, se tibda tingħata okkażjoni oħra biex tibdel triqitha. Għaldaqstant din se tibda tingħata sentenza ta’ probation, minflok ħabs effettiv.
Dan intqal mill-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, waqt il-programm ‘Bil-Fatti’ fuq ONE.
Hu qal dan hekk kif, fl-istess jum fil-Parlament, tressqu wkoll fi stadju tal-Ewwel Qari emendi relatati li rriżultaw wara konsultazzjoni pubblika wiesgħa f’dan ir-rigward.
“Illi tibqa’ ssegwi l-iżvilupp u l-progress li jkun qed jagħmel dan l-individwu u l-proċess rijabilitattiv tiegħu. U nemmnu li, allura, din id-diskussjoni ntlaħaq l-għan li nagħtu aktar possibbiltà lill-Qrati tagħna jintervjenu meta jaraw każi ġenwini ta’ veru vittmi tad-droga.”
Fost dawk li l-Gvern ikkonsulta magħhom kien hemm il-Caritas, fejn fl-istess programm tkellem id-Direttur tal-organizzazzjoni, Anthony Gatt.
“Apprezzat ħafna, kellna numru ta’ laqgħat mal-Ministru stess dwar din ir-riforma. Ovvjament, mhux riforma faċli, għax ikun hemm angoli differenti u inti trid li jinħoloq bilanċ bejn min għandu bżonn l-għajnuna tagħtihielu kollha u tagħtih dak iċ-ċans, imma mingħajr mal-liġi tgħaddi messaġġ ħażin fil-moħħ li tiffaċilita li jista’ jittraffika, pereżempju.”