Qed jiġi rrapportat li mistennija jitressqu ħames persuni l-Qorti b’rabta ma’ impjieg li kien ingħata Melvin Theuma, il-middleman li fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dwar dan l-impjieg kienet infteħet inkjesta maġisterjali li tmexxiet mill-Maġistrat Ian Farrugia u, minn dak irrapportat, jirriżulta li l-inkjesta ngħalqet u waslet biex il-pulizija tressaq xi persuni l-Qorti.
Fl-24 ta’ Ġunju l-pulizija ħarġet stqarrija li fiha ntqal li, wara l-għeluq ta’ inkjesta Maġisterjali u investigazzjonijiet mill-iskwadra ta’ kontra l-Ħasil ta’ Flus fi ħdan id-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet tar-Reati Finanzjarji, kienu ġew ippreżentati akkużi biċ-ċitazzjoni kontra ħames persuni mixlija b’serq minn uffiċjal jew impjegat pubbliku.
Minn dak li ġie rrapportat jidher li l-persuni li se jitressqu l-Qorti mill-pulizija, abbażi tal-konklużjonijiet tal-inkjesta tal-Maġistrat, huma Keith Schembri, Yorgen Fenech, Anthony Mario Ellul, Anthony Muscat, u Sandro Craus.
Jidher li l-każ issa mistenni jinstema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella f’Settembru li ġej.