Żewġ persuni tkellmu mal-Pulizija u taw indikazzjoni għal min setgħet kienet il-bomba li allegatament xtara u prova jdaħħal f’Malta Jomic Calleja ta’ erbgħa u tletin sena.
Is-Supretendent George Cremona u l-ispettur Omar Zammit infurmaw lill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech li fl-aħħar ġranet żewġ persuni tkellmu mal-Pulizija u taw indikazzjoni għal min seta’ kien fil-mira tal-akkużat.
Għaldaqstant, il-prosekuzzjoni qalet li bħalissa tinsab fi stadju delikat tal-investigazzjonijiet tagħha sabiex tistabillixi jekk din l-informazzjoni hiex veritiera.
F’Awwissu li għadda l-Pulizija marret f’Ariżona l-Amerka fejn hemmhekk kien hemm espert li neħħa l-isplussiv li allegatament prova jixtri Calleja. Il-pakkett intbagħat lejn Malta mingħajr l-isplussiv fih.
L-isplussiv li kellu jinġieb hawn Malta kien moħbi f’sound speaker.
Allegatament Jomic Calleja prova jixtri l-velenu, materjal radjoattiv kif ukoll splussiv tat-tip C-4.
Allegatament l-imputat kien se jixtri dawn l-affarijiet taħt isem falz, ta’ Roger Tabone iżda Lizienn Borg, uffiċjal ta’ Identity Malta xehdet li l-isem ta’ Roger Tabone ma nstabx fir-reġistru pubbliku.
Fil-qorti xehed ukoll Carmel Grech, il-missier bioloġiku ta’ Jomic Calleja.
L-ispettur Omar Zammit saqsih jekk qattx iffirma kuntratt biex jikri showroom f’Ħal Qormi. Huwa wieġeb le għalkemm il-kuntratt juri firma u numru tal-karta tal-identità ta’ Carmel Grech.
F’xhieda f’seduta preċedenti, is-sidien tax-showroom qalu li kien Calleja li ffirma l-kuntratt.
Għaldaqstant, il-Qorti ħatret espert sabiex jeżamina l-kaligrafija tal-kitba.