Illum huwa l-jum dinji li jqajjem kuxjenza dwar l-Awtiżmu, kundizzjoni li ħafna drabi tiżviluppa fl-ewwel snin ta’ persuna. Din il-kundizzjoni twassal biex persuna tesperjenza diffikultajiet biex tikkomunika u tibni relazzjonijiet ma’ persuni oħra, fost oħrajn.
Is-sit one.com.mt tkellem ma’ Valerie Brincat, omm ta’ tliet itfal li lkoll jbagħtu mill-kundizzjoni tal-awtiżmu. F’din il-ġurnata, Valerie spjegat xi tfisser li tkun omm ta’ tfal bl-awtiżmu u għamlet appell importanti.
Xi tfisser li tkun omm ta’ tliet itfal bl-awtiżmu?
Din il-mistoqsija iġiegħli nieqaf u naħseb… għax li tkun omm ta’ tfal bl-awtiżmu hija sfida kontinwa. Kollha għandhom bżonnijiet differenti u l-livell ta’ awtiżmu tagħhom huwa kompletament differenti minn ta’ xulxin. Mhux faċli li żżomm rutina waħda, u għalhekk l-ostakli qiegħdin hemm. Iżda dawn l-ostakli u sfidi jġibu ukoll kuntentizza u mumenti mill-isbaħ f’ħajjitna. Jagħmluna sodisfatti u kburin li qed jagħmlu ħilithom biex jaffaċċjaw il-ħajja.
In-nies jifhmu xi tfisser li jkollok tfal bil-kundizzjoni tal-awtiżmu?
L-għarfien żdied ħafna meta kkumparat ma snin oħra meta kelli t-tfal iżgħar, iżda fadal ħafna aktar fuq xix naħdmu. L-għarfien m’għandux ikun hemm biss għas-soċjetà inġenerali iżda anki fost dawk li joffru s-servizzi għal uliedna, jiġifieri s-setturi tal-edukazzjoni, tas-saħħa, l-ambjent u oħrajn.
Matul din il-ġurnata x’għandna niftakru?
L-awareness m’għandiex tkun limitata għal din il-ġurnata iżda matul is-sena kollha. Hemm sfidi li għadhom mhux jinstemgħu u nibża li fadal ħafna nies inkluż l-awtoritajiet li ma jifhmux xi tfisser li familja jkollha tfal bl-awtiżmu. Fadal xi jsir, speċjalment għalina l-familja li għandna membri tal-familja tagħna bl-awtiżmu, għandna bżonn aktar appoġġ u llum għandna niftakru f’dan.
Valerie Brincat, kellha ukoll appell għall-pubbliku:
Individwi li għandhom l-awtiżmu huma differenti iżda kapaċi. M’għandhom xejn ħażin, iżda huma differenti. Filfatt, persuni li għandhom din il-kundizzjoni ukoll iħarsu lejn is-soċjetà minn għajn differenti. Huma ma jiġġudikawx u għalhekk lanqas aħna m’għandna niġġudikaw. Irridu naċċettaw lil xulxin, u nappoġġjaw liċ-ċittadini. Dan kollu jagħmel il-ħajja tagħna l-familjari aktar faċli. Ejja ineħħu l-isterjotipi minn moħħna.