Waqt li kien qed jindirizza lis-sebgħa u disgħin rekruta ġdid fil-Pulizija, il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Michael Farrugia ħabbar li qed issir diskussjoni biex persuni li għandhom xi tattoos, ikunu jistgħu japplikaw mal-Pulizija.
Dan f’attentat biex il-Pulizija ma tibqax riġida, iżda fi kliemu ssir iktar umana u timxi maż-żminijiet. Dan waqt li żżomm l-istess livell ta’ dixxiplina, kemm fi ħdana, kif ukoll fit-triq.
Dan se jkun qed jiġi deċiż ukoll il-limitu ta’ tattoos li se jkunu qed jiġu aċċettati.
Il-Ministru qal li se jkunu kkunsidrati wkoll persuni li kellhom xi każijiet minuri. Kull każ se jiġi trattat separament.
Se jkunu qed jinbidlu wkoll l-uniformijiet li l-Pulizija jilbsu matul il-ħin tax-xogħol, biex dawn ikunu iktar komdi. L-uniformi tradizzjonali se tinżamm biss għaċ-ċerimonji u l-parati.
Il-Ministru Farrugia awgura lir-rekruti kollha, u appellalhom jibqgħu jistudjaw, hekk kif fil-korp qed jinħass il-bżonn ta’ iktar nies speċjalizzati.