Kull min għandu l-kartanzjan jista’ jibda jibbenefika minn skontijiet f’servizzi tal-komunikazzjoni, grazzi għal ftehim li ġie ffirmat bejn l-Aġenzija għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità u l-kumpanija GO.
F’konferenza tal-aħbarijiet ġie spjegat kif permezz ta’ dan il-ftehim, il-persuni kollha li għandhom ’il fuq minn 60 sena u b’kartà tal-identità Maltija, se jgawdu minn tnejn u għoxrin fil-mija skont fuq is-servizz tal-homepack; madwar għoxrin fil-mija skont fuq l-użu tal-mobile li fost oħrajn se jkollhom telefonati u SMSs bla limitu; u sbatax fil-mija skont fuq l-internet tad-dar.
Dan is-servizz huwa fost kullana ta’ skontijiet li qed jibbenefikaw minnhom dawk bil-kartanzjan.
Il-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità Renzo De Gabriele tenna li fil-perjodu ta’ sfida li ġabet magħha l-pandemija, ħareġ aktar fid-deher il-bżonn tal-komunikazzjoni diġitali.
Qal, “Kien hemm talba biex anke jkun hemm ftit servizz li l-anzjani li jistgħu jibbenefikaw minn roħs f’dawn it-tip ta’ servizzi li issa saru importanti ħafna fil-ħajja tal-lum, u l-anzjani kellhom jesperjenzaw minħabba l-pandemija din it-tip ta’ pressjoni teknoloġika u hekk aħna ferħanin ħafna li għamilna dan it-tip ta’ ftehim ma’ operatur ewlieni fis-suq Malti.”
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Michael Farrugia, qal li madwar mija u għoxrin elf persuna diġà qed jibbenefikaw minn minn tal-inqas mija u erbatax-il servizz offrut minn sittin kumpanija.
Spjega, “Meta introduċejna t-traħħis għal min għandu l-kartanzjan intlaqgħet tajba ħafna mill-anzjani, issa llum bil-ftehim li għamilna mal-GO se nkunu qed immorru pass ieħor.”
Il-Kumpanija GO qalet illi permezz ta’ dan il-ftehim, l-anzjani mhux biss se jibbenefikaw minn servizz diġitali orħos, imma għandhom ukoll serħan il-moħħ li jistgħu jżommu kuntatt ma’ qrabtahom f’dinja diġitali.
Qalet, “Aħna bħala kumpanija l-għan tagħna huwa li ma nħallu lil ħadd barra minn din id-dinja u għalhekk b’din il-proposta qed inkunu nistgħu nagħtu aċċess għat-teknoloġija lill-anzjani b’mod dirett.”