Fil-ġimgħa ddedikata għall-persuni b’diżabilità, persuni b’diżabilità mis-Servizzi tal-Komunità u s-servizz ‘Sharing Lives’ ingħaqdu biex jorganizzaw ikla.
L-attività ġabret ammont ta’ persuni li bħalissa qed jattendu sessjonijiet ta’ taħriġ mogħtija mill-Home Economics Association tal-Università ta’ Malta, fil-programm “Għaqal id-Dar”.
L-ikla ttellgħet mis-servizz ta’ ‘Sharing Lives’ u ċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum tas-Swatar li t-tnejn jagħmlu parti mill-Aġenzija Sapport.
Is-servizz ta’ Sharing Lives huwa intiż biex joħloq opportunitajiet għall-voluntiera u persuni b’diżabilità fejn jaqsmu esperjenzi flimkien bil-għan li jinħoloq kuntatt u sapport li jiżviluppa fi ħbiberiji.
Matul din is-sena, dan is-servizz ikkontribwew fih tlieta u tletin voluntier filwaqt li gawdew minnu tnejn u tmenin persuna.
Min-naħa l-oħra mal-mija, tnejn u għoxrin persuna b’diżabilità gawdew mis-servizzi fil-komunità.
L-ikla ġiet imħejjija għall-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portello u l-Kap Eżekuttiv ta’ Aġenzija Sapport Ruth Sciberras fost oħrjan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija sostniet kif l-attività kienet frott tat-taħriġ li dawn il-persuni attendew għalih.
Qalet, “Hawnhekk huma urewna l-abbiltajiet li tgħallmu biex jgħixu anki ħajja indipendenti.”
Minn naħa tagħha, il-Ministru Julia Farrugia Portelli saħqet kif proġett bħal dan huwa wieħed ħaj li jgħallem ħiliet bżonnjużi għal ħajja indipendenti.
Spjegat, “Dan il-programm huwa proġett ħaj, proġett ħaj illi rajnieh f’din l-ikla illi fis-sempliċità tagħha qed turi ħiliet differenti. Li persuna b’diżabilità tkun kapaċi tmur tagħmel ix-xirja, tipprepara ikla bnina.”