Sitt klijenti b’diżabilità, li jattendu l-Learning Hub tal-aġenzija Sapport f’Għawdex, għenu b’mod volontarju fit-tħejjijiet għall-presepju ħaj ta’ ‘Betlehem f’Għajnsielem’ u li kull sena jżuruh eluf ta’ persuni.
Ix-xogħol, li jwettquh tul is-sena kollha b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Lokali ta’ Għajnsielem, jinvolvi ż-żrigħ ta’ prodotti agrikoli u anke jnaddfu l-wiċċ tal-għelieqi li qed jintużaw għall-presepju.
Il-prodotti agrikoli mill-għalqa jintużaw ukoll fiċ-ċentru tal-aġenzija, waqt il-programm tat-tisjir.
Tkellimna ma’ Gordon Barbara, li jmexxi ċ-ċentru tal-aġenzija Sapport f’Għajnsielem u spjega kif dan il-programm jara li dawn il-persuni jintegraw irwieħhom fil-komunità u fl-istess ħin xogħlhom jiġi apprezzat minn kulħadd.
“Din hi inizjattiva tal-aġenzija Sapport mal-Kunsill Lokali t’Għajnsielem u ilna għaddejjin għal dawn l-aħħar ħames snin u l-għan prinċipali hu li aħna ninvolvu rwieħna mal-kunsill lokali f’attivitajiet li jkollhom huma bħal ‘Betlehem f’Għajnsielem’ fejn nagħtu daqqa’ t’id fil-bżonnijiet mal-voluntieri l-oħrajn u f’attivitajiet oħrajn matul is-sena. L-għan prinċipali hu li s-service users jiġu inklużi fis-soċjetà.”
Gordon Barbara – Ċentru Sapport Għawdex
Ħadna r-reazzjoni ta’ wieħed minn dawk li jagħmel użu minn dan is-servizz u stieden lil kulħadd biex iżur il-presepju u jara x-xogħol li wettqu huma fl-għelieqi.
“Hoping the people will come and enjoy themselves. Gardening, planting vegetables and cleaning.”
Maverick Pace – voluntier, Ċentru ta’ Matul il-Jum
Min-naħa tagħha, filwaqt li nnotat l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsaħħaħ il-qasam tad-diżabilità f’pajjiżna, il-Ministru Julia Farrugia Portelli, li hi responsabbli mill-inklużjoni u l-għaqdiet volontarji, fost l-oħrajn, irringrazzjat lil dawk kollha involuti.
“Irringrazzjajt lill-voluntieri li jagħtu s-sehem tagħhom matul din is-sena biex l-attività tkun tista’ tittella’, b’mod partikolari, b’numru ta’ persuni b’diżabilità, li issa ilhom għal dawn l-aħħar ħames snin b’mod attiv jgħinu fil-preparamenti ta’ qabel dawn il-festi.”
Julia Farrugia Portelli – Ministru