Persuni b’diżabilità minn 11-il ċentru ta’ matul il-jum immexxija minn Aġenzija Sapport ingħaqdu flimkien sabiex ħolqu proġett artistiku li bħalissa qed jiġi esibit fil-Forti Sant’Iermu, il-Belt Valletta bħala parti minn wirja bl-isem ta’ Reżiljenza – Nirnexxu minkejja d-diffikultajiet.
It-tema ta’ Reżiljenza ġiet magħżula sabiex turi s-saħħa tal-persuni b’diżabilità meta jiltaqgħu ma’ diffikultajiet bħal preġudizzju, sterjotipi negattivi u diskriminazzjoni. Il-parteċipanti ħolqu dawn l-oġġetti artistiċi bl-assistenza tas-Support Workers tagħhom. L-oġġetti esibiti huma magħmula minn materjal differenti inkluż tpingija bl-akrilika u 3D fuq it-tila,encaustic art, injam u ħadid, kartapesta, fotografija, tafal u quilling.
Il-ħidma fuq dawn l-oġġetti bdiet f’Ġunju 2022. Il-persuni b’diżabilità li jattendu dawn iċ-ċentri kienu involuti l-istadju kollha, mid-diskussjoni fuq it-tema kollettiva, xiri ta’ materjal, produzzjoni tal-oġġetti u installazzjoni tal-esebizzjoni. Matul il-wirja, il-viżitaturi ser ikollhom l-opportunità li jiltaqgħu ma’ uħud mill-artisti. Xi oġġetti mill-wirja ser ikunu għall-bejgħ.
L-esebizzjoni qed tittella b’kollaborazzjoni ma’ Heritage Malta u ser tkun miftuħa mill-14 ta’ Novembru sat-3 ta’ Diċembru bejn id-09:00 u l-16:30. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit tal-Aġenzija www.sapport.gov.mt.