Il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbilità nediet proġett ta’ CVs permezz ta’ filmati li juru l-ħiliet u l-potenzjal ta’ dawn il-persuni, filwaqt li jisfida l-isterjotipi.
Il-proġett bl-isem ta’ Ċavetta għall-Futur jikkonsisti f’sett ta’ filmati minn għaxar persuni b’diżabbilità intelletwali li juri l-aspirazzjonijiet u l-esperjenzi tagħhom fl-impjieg.
Din l-inizjattiva qed tindirizza perċezzjonijiet żbaljati fuq persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol.
Barra minn hekk, ix-xogħol qed jara li jingħata valur lil persuni fosthom l-importanza tas-salarju u li jlaqqagħhom ma’ aktar persuni.
L-għan ta’ dawn il-filmati kien li juru biċ-ċar il-kontribut li dawn il-persuni kapaċi jagħtu lil bqija tas-soċjetà, anki fuq livell ta’ xogħol, kif spjegat l-Kummissarju għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbilità, Samantha Pace Gasan.
Hija tenniet ukoll kif il-proġett huwa wieħed innovattiv, li jassigura aktar inklużjoni fid-dinja tax-xogħol: “Bħala proġett huwa wieħed illi huwa innovattiv imma wkoll juri il-mod kif wieħed jista’ jikkomunika b’modi differenti biex nassiguraw li d-dinja tax-xogħol tkun aktar inklussiva.
Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli saħqet fuq l-importanza ta’ din il-ħidma hekk kif qed timxi id f’id mal-istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabbilità mnedija mill-Gvern ftit tal-jiem ilu.
Hija qalet, “Nemmen illi dan il-proġett, proġett Ċavetta ser ikun qed jagħti direzzjoni differenti, aktar ġdida u li tagħti ħajja lejn dak li aħna nemmnu fih, l-istrateġija nazzjonali li ukoll timbotta li persuni b’diżabilità ikollhom id-dritt għax-xogħol.”