Fil-ġurnata li l-kumpanija li ħolqot il-vaċċin tal-Pfizer ħabbret li testijiet preliminari qed juru li t-tielet doża tal-vaċċin tipproteġi kontra l-varjant il-ġdid, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li se jonqos il-perjodu biex tittieħed id-doża addizzjonali wara t-teħid tat-tieni doża.
Huwa spjega li kollox jindika li min ikun ħa d-doża addizzjonali, għandu protezzjoni qawwija kontra l-varjant il-ġdid u din hija aħbar tajba ħafna għal pajjiżna għaliex kien fost tal-ewwel li bdew jagħtu t-tielet doża tant li sal-lum għandna mija u ħamsa u erbgħin elf resident ġewwa Malta u Għawdex li ħadu t-tielet doża, ekwivalenti għal 33% tal-popolazzjoni.
Sa issa, it-tielet doża qed tingħata sitt xhur wara t-tieni doża. Issa, skont pariri xjentifiċi mogħtija fuq testijiet tal-immunità u anki minħabba l-effettività kontra l-Omicron, it-tielet doża tista’ tingħata erba’ xhur wara t-tieni doża.
“Mil-lum stess, ħa nkunu qegħdin innaqqsu l-perjodu ta’ bejn it-tieni u t-tielet doża għal minimu ta’ erba’ xhur, jiġifieri persuna li jkun ilu iktar minn erba’ xhur li ħa t-tieni doża – jekk hix AstraZeneca, Pfizer jew Moderna jew Johnson and Johnson, jista’ jirreġistra immedjatament, minn ħamsin sena ’l fuq għalissa fuq vaccin.gov.mt”, spjega l-Ministru Chris Fearne.