Persuna waħda tista’ ssalva sa tmien ħajjiet jekk tiddeċiedi li tagħti l-organi tagħha.
S’issa kienu madwar ħamsa u għoxrin elf ruħ li niżżlu isimhom fir-reġistru tad-donaturi tal-organi li tnieda madwar sentejn ilu. Żieda ta’ aktar minn ħdax-il elf fl-aħħar tnax-il xahar. Id-differenza llum minn sentejn ilu hi li d-donaturi li jirreġistraw ix-xewqa tagħhom li jagħtu organi wara ħajjithom tkun irrispetattata u ma tistax tinbidel minn qrabathom.
Paul Calleja, Nursing Officer fir-Renal Unit u Kordinatur tat-Trapjanti fl-Isptar Mater Dei, spjega li l-kliewi huma l-aktar organi li l-pazjenti jistennew l-iktar. Qal li kull kilwa li tingħata b’donazzoni tingħata lil pazjenti f’Malta waqt li l-organi oħra bħall-fwied u l-pulmun jistgħu jintbagħtu barra minn Malta biex jibbenefikaw pazjenti oħrajn.
Calleja qal li “Din is-sena kellna madwar tlettax –il donatur li dawn għal ċertu ċirkostanzi mietu u ħallew l-organi tagħhom. Ibbenefikaw minn dawn it-tlettax –il donatur kien hemm madwar sittax –il pazjent li rċivew kilwa. Ovvjament imbagħad ikun hemm id-donaturi l-ħajjin li minn dawn kellna ħamsa u ovvjament taw lil ħames persuni oħra li kienu jbatu mill-kliewi.”
Is-Sur Calleja qal li l-ammont milħuq fir-reġistru tad-donaturi tal-organi huwa ta’ sodisfazzjon kbir minħabba l-bżonn kontinwu ta’ donazzjonijiet.
Qal li “Jien minn hawnhekk inħeġġeġ iġifieri biex ikollna iktar donazzjonijiet, ikollna iktar donaturi għax nistgħu nagħmlu ħafna u ħafna ġid lil pazjenti oħra li huma morda kroniċi b’mard ta’ dawn l-organi.” (16seconds)
Sa sentejn ilu, ir-reġistrazzjoni mid-donaturi ma kinitx regolata b’liġi u anke dawk li kellhom id-donor card, ix-xewqa tagħhom setgħet tinbidel mill-qraba.
Is-Sur Calleja qal li kull minn jagħlaq sittax-il sena jista’ juri x-xewqa tiegħu li jkun donatura u sostna li kull minn jirreġistra se jkun potenzjalment qed jagħti l-ħajja lill-persuna oħra.
Ir-reġistrazzjoni tista’ ssiru fuq organdonations.gov.mt jew billi timla applikazzjoni minn ċentru tas-saħħa.