Tfajla ta’ 17-il sena tilfet ħajjitha f’inċident tat-traffiku kmieni l-Ħadd filgħodu.
Minn informazzjoni li għandu ONE News jidher li l-inċident seħħ fit-triq Tumas Chetcuti, f’Ħ’Attard, għall-ħabta tat-tlieta ta’ filgħodu, fejn karozza tat-tip Chevrolet Aveo, ħabtet ma’ ħajt u arblu.
Fuq il-post assista tim mediku, uffiċjali tal-Pulizija u ħaddiema mit-Taqsima tal-Protezzjoni Ċivili.
Is-sewwieq tal-karozza, li huwa raġel ta’ 20 sena minn San Pawl il-Baħar u passiġġiera oħra ta’ 17-il sena minn Ħ’Attard, ittieħdu l-isptar Mater Dei għal aktar kura, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi gravi.
Dwar dan l-inċident infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Caroline Farrugia Frendo.
Aktar dettalji malli jaslulna.
Ritratt: Ivan Bartolo