Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta teknoloġija bil-għan li twaqqaf u taqbad lil min qed jisraq l-ilma filwaqt li tidentifika l-ħela.
Il-Korporazzjoni spjegat kif dan il-programm teknoloġiku kien implimentat f’żewġ żoni speċifiċi f’Malta u Għawdex sabiex jiġi ttestjat.
Dwar dan ONE News tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma Richard Bilocca hekk kif spjega kif taħdem din is-sistema teknoloġika.
“Issa għandna sistema fejn jitwaħħlu tip ta’ Data Loggers avvanzati fuq network u dan billi jkun qed janaliżża l-presses fuq in-network u kif dawn jinbidlu u s-sistema tkun taf x’inhu mistenni suppost din tinduna fejn jew qed jinsteraq l-ilma jew fejn hemm ħsarat.”
Bilocca spjega wkoll kif dan il-programm diġà beda jħalli l-frott hekk kif ġie identifikat każ ta’ serq tal-ilma.
“Pruvajniha f’żewġ żoni żgħar waħda f’Għawdex u waħda f’Malta u f’post partikolari f’Għawdex qbadna persuna li kienet qed tisraq 33% tal-ilma li kien qed imur ġo dan ir-raħal. Jiġifieri dan huwa serq kbir li ser jiġi indirizzat.“
Mistoqsi dwar il-pass li jmiss għall-korporazzjoni s-Sur Bilocca spjega kif għaddejja ħidma intensiva sabiex din is-sistema tiġi implimentata madwar Malta u Għawdex kollu.
“Bħala korporazzjoni issa ħa nkunu qed nimplimentaw din is-sistema madwar Malta u Għawdex kollu fix-xhur li ġejjin biex aħna niżguraw li l-ilma ma jinħeliex. L-ilma hija riżorsa prezzjuża u min qed jabbużża mill-ilma qed jabbuża minn din ir-riżorsa.“