Illum għall-ħabta ta’ nofsinhar u għaxra, intalbet l-għajnuna tal-Pulizija ġewwa Kemmuna minħabba li persuna kienet intilfet minn sensiha waqt li kienet qiegħda tgħum.
Il-mara min-Netherlands li għandha 61 sena, sabet ruħha f’diffikultà waqt li kienet qiegħda tagħmel snorkeling fl-inħawi bejn il-Blue Lagoon u l-bajja magħrufa bħala Tal-Ħmara.
Il-mara ttellgħet l-art minn xi għaddasa li f’dak il-ħin kienu fuq luzzu għaddejjin mil-viċinanzi u wara ngħatat l-ewwel għajnuna mill-membri tal-ERRC. Ftit wara hija ġiet meħudha l-Isptar Mater Dei permezz ta’ helicopter, fejn sfortunatament ġiet iċċertifikata mejta.