Żagħżugħ ta’ 22 sena jinsab fil-periklu tal-mewt wara li waqa’ madwar ħames sulari fil-Gżira.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:30 fi Triq il-Madonna tal-Ġebla fil-Gżira meta għal xi raġuni ż-żagħżugħ, li hu Sirjan, li kien waqt xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni waqa’ madwar ħames sulari għoli bil-konsegwenza li spiċċa f’xaft wiċċu ‘l isfel.
Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili sabiex jassistu liż-żagħżugħ u jtellgħuh minn fejn kien u kif ukoll ambulanza li ħaditu l-isptar Mater Dei biex jingħata l-kura meħtieġa.
Aktar tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji u li jinsab fil-periklu tal-mewt.