Imprenditur kbir minn Hong Kong, Jimmy Lai, ġie arrestat filwaqt li saret spezzjoni mill-pulizija fl-uffiċċji li minnhom jopera l-gazzetta tiegħu fuq allegazzjonijiet dwar relazzjonijiet sigrieti u jew illegali ma’ forzi barranin.
Dan l-arrest huwa l-ewwel wieħed ta’ persuna bi profil għoli minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi tas-sigurtà kontroversjali imposta miċ-Ċina f’Ġunju li għadda.
L-imprenditur huwa persuna prominenti favur id-demokrazija kif ukoll ħa sehem f’diversi protesti li bdew mis-sena li għaddiet u baqgħu għaddejin sa nofs din is-sena.
Il-midja Ċiniża ddeskriviet lil Lai bħala persuna li permezz tal-midja tiegħu qed jinstiga l-mibegħda kontra ċ-Ċina u l-mexxeja ta’ Hong Kong filwaqt li qed ixerred l-għajdut.
Ma’ Lai ġew arrestati wkoll żewġt uliedu kif ukoll żewġt persuni li jokkupaw pożizzjoni eżekuttiva fil-gazzetta mmexxija mill-imprenditur.