Persuna minn kull tlieta li għandhom kariga maniġerjali fl-Unjoni Ewropea huma nisa. Dan ifisser li r-rappreżentazzjoni tan-nisa, għalkemm qed titla’ kif mixtieqa, xorta għadha ma laħqitx il-massimu tagħha. Statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi kif minn 7.3 miljun persuna fl-Unjoni Ewropea li għandhom kariga maniġerjali, 65% (4.7 miljun) minnhom huma rġiel u 35% (2.6 miljun) huma nisa.
Apparti minn hekk l-istatistika turi li meta ġie mqabbel il-qliegħ kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, in-nisa f’kariga maniġerjali jaqagħlu 23.4% inqas mill-irġiel, dan ifisser li kull mara li hi maniġer taqla’ 77 ċenteżmu fis-siegħa inqas mill-irġiel li għandhom l-istess kariga.
Il-medja fl-Unjoni Ewropea ta’ nisa f’kariga maniġerjali hi ta’ 35% bil-medja ta’ differenza fir-rata ta’ ħlas bejn l-irġiel u n-nisa tkun ta’ 23.4%. Il-persentaġġ ta’ nisa li għandhom kariga maniġerjali f’Malta hu ta’ 30% fejn id-differenza fir-rata ta’ ħlas bejn l-irġiel u n-nisa hi ta’ 21.5%, dan hekk kif il-medja ta’ kemm jitħallas raġel fis-siegħa hu ta’ €19.14 u r-rata tan-nisa fis-siegħa hi ta’ €15.02.
Il-pajjiż li għandu l-akbar rappreżentanza ta’ nisa f’kariġi maniġerjali hu l-Latvja fejn għandha n-nisa għandhom 53% rappreżentanza. Wara hemm il-Bulgarija u l-Polonja, iż-żewġ pajjiżi b’44% rappreżentanza.
Il-pajjiżi li fihom in-nisa jitħallsu kważi l-istess rata daqs kemm jitħallas raġel għall-istess irwol huma r-Rumanija b’5%, wara hemm l-iSlovenja b’12.4%, il-Belġjum b’13.6% u l-Bulgarija b’15%.
L-istatistika turi kif l-Ungerija għandha l-ikbar differenza fir-rata ta’ ħlas għall-istess rwol b’33.7%, wara nsibu l-Italja b’33.5% u kif ukoll ir-Repubblika Ċeka b’29.7%.