Din ix-xitwa l-influwenza qiegħda taffettwa medja ta’ persuna minn kull erbgħa.
Dan ħabbru d-deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne meta mistqosi fil-Parlament dwar l-influwenza staġjonali. Huwa spjega li din is-sena l-Influwenza B laqtet lill-poplu qabel l-Influwenza A u għalhekk din affettwat aktar persuni mis-soltu.
Id-Deputat Prim Ministru spjega: “Ġeneralment l-influwenza matul is-sena tibda bl-influenza A mbagħad lejn l-aħħar tal-istaġun tmur lejn influenza B. Dis-sena ġara bil-maqlub bdiet mill-ewwel l-influenza B. L-influwenza B tolqot aktar persuni jiġifieri aħna din is-sena qegħdin nistennew għalkemm it-tilqima hija effettiva u nerġa’ nħeġġeġ lil min ma ħadhiex biex jeħodha.”
Il-Ministru għas-Saħħa qal li kawża tal-Influwenza naqqset ukoll ir-riserva tad-demm hekk kif minn 60 donatur kuljum, id-donaturi tad-demm niżlu għal 30. Kawża ta’ dan kellhom jitħassru 6 operazzjonijet li kienu skedati biex isiru.
Id-Deputat Prim Ministru sostna: “Jien kuntent ngħid li din is-sena rnexxielna ma nikkanċellaw ebda operazzjoni minħabba din is-sitwazzjoni. Ikkanċellajna sitt operazzjonijiet mhux minħabba l-influwenza imma minħabba li l-influwenza kien hemm inqas nies li setgħu jagħtu d-demm u allura skarsezza għal ftit ġranet u ddeċidejna fl-interess tal-pazjenti ddeċidejna li nipposponu l-operazzjoni.”
Hawnhekk Fearne sostna li l-ebda operazzjoni ma tħassret minħabba nuqqas ta’ sodod fl-Isptar Mater Dei, madankollu tenna li meta normalment pazjent tingħatalu sodda fi żmien 6 sigħat, matul dawn l-aħħar tliet ġimgħat minħabba d-domanda qawwija din l-istennija żdiedet għal madwar 16-il siegħa.