Xarabank bin-numru 395 ħabtet ma’ karozza fi triq Whitmore f’Harrow fil-Majjistral ta’ Londra lbieraħ filgħaxija.
Rapporti fil-midja Ingliża qalu li persuna kienet mietet u tlieta oħra, inkluż tifel ta’ 9 snin, sfaw midruba iżda għadu mhux magħruf jekk il-vittma kinitx passiġġier fil-karozza jew ix-xarabank inkella bniedem li kien qed jistenna fuq l-istage. Tnejn mill-feruti kienu meħuda fit-taqsima tal-kura intensiva iżda s’issa ma ngħatat l-ebda informazzjoni dwar il-kundizzjoni tagħhom.
Persuna oħra feruta kienet ittratta fuq il-lok tal-inċident.
Mill-ewwel fuq il-post marru uffiċjali tal-pulizija kif ukoll membri tas-salvataġġ ta’ emerġenza u l-Pulizija Metropolitana fetħet investigazzjoni dwar l-inċident.
Hekk kif qed jiġu ċċekjati filmati mill-kameras ta’ sorveljanza, l-awtoritajiet qed jappellaw lill-pubbliku biex jekk għandhom xi informazzjoni jew filmati dwar l-inċident jirrappurtaw lilhom minnufih.