Taljan jinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-kollega tiegħu ġarrab xi ġrieħi wara li sfronda saqaf bihom waqt li kienu qed jispezzjonaw xi xogħol li jrid isir ġo residenza antika.
Il-każ seħħ għall-ħabta tal-għaxra u kwart tal-Ħadd filgħodu fi Triq il-Ġdida Ħal-Luqa. Immedjatament fuq il-post intalbet l-assistenza tal-Protezzjoni Ċivili sabiex ħarġu lill-vittma minn qalb it-tifrik.
Wara ħidma delikata li ħadet madwar nofs siegħa, ir-raġel inħareġ minn ġor-residenza u ddaħħal f’ambulanza fejn minn hawn ittieħed l-isptar Mater Dei għall-kura tad-diversi ġrieħi li ġarrab.
Sieħeb il-vittma li deher ħiereġ minn ġor-residenza, bi flokk kollu imċappas bid-demm ingħata l-kura fuq il-post sakemm eventwalment ittieħed l-isptar minħabba x-xokk li kellu fuqu.
L-operazzjoni ta’ salvataġġ ġiet mmexxija minn Anthony Pisani u Charles Grima mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll kien hemm jassistuhom ż-żewġ tobba tal-emerġenza, Dr Michael Spiteri u Dr Jonathan Joslin.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta Maġisterjali bl-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-distrett ta’ Ħal-Luqa.
Filmati: Kyle Mifsud