Ingliża ta’ 77 sena tista’ tgħoddha b’waħda wara li ma sbiħ is-Sibt filgħodu, binja ta’ tliet appartamenti Triq il-Kbira fil-Mellieħa saret borġ ġebel fi ftit sekondi.
Sorsi li tkellmu ma’ one.com.mt li kien minn tal-ewwel fuq il-post qalu qalu li kollox beda għall-ħabta tas-sitta neqsin għaxra ta’ filgħodu meta nstema’ ħoss kbir li riegħed it-triq. Ingħad li l-ewwel waqgħet parti mill-faċċata ta’ blokka li tinsab biswit sit ta’ kostruzzjoni. Lanqas laħqu għaddew żewġ minuti li ma ċedews il-pedamenti tal-istess binja bil-konsegwenza li l-parti ta’ quddiem tal-binja sfrundat għalkollox għal nofs ta’ triq.
Dak il-ħin fil-binja kien hemm mara Ingliża li kienet fil-kamra tas-sodda tagħha li tinsab fuq in-naħa ta’ wara. Fil-fatt din kienet l-unika parti mill-binja li ma ġġarrfitx. F’dan il-ħin il-mara liebsa l-piġama bdiet tgħajjat kemm tiflaħ għall-ajjut. Ħaddiema li kienu qed jaħdmu f’sit ieħor ta’ kostruzzjoni, bdew jgħidu lill-anzjana sabiex tersaq lura u ma titħarrikx minn fejn kienet.
F’kemm trodd salib waslu fuq il-post madwar ħamsin ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili mmexxija mid-Direttur tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila li bdew operazzjoni delikata ħafna biex joħorġu l-mara minn qalb it-tiġrif. F’kummenti lil one.com.mt, is-Sur Psaila spjega l-ħidma delikata li kienu għadhom kif wettqu l-ħaddiema tiegħu.
“Eventwalment kif wasalna sibna persuna maqbuda fit-tifrik fuq u bdiet operazzjoni biex naraw kif ha iniżżluha. Peress li kienet fl-għoli u l-bini kien fi stat ta’ periklu kbir. Irnexxielna iniżżluha wara operazzjoni delikata permezz tar-rescuers tagħna u permezz tat-turn table ladder li għandna x-Xemxija,” qal is-Sur Psaila.
Sabiex ħarġu l-mara mill-blokka il-ħaddiema tas-salvataġġ użaw it-turn-table ladder ta’ 32 metru li fetħuħ minn fuq il-parti li ġġarrfet għal ġol-kamra tas-sodda tal-anzjana.
Kien għall-ħabta tat-tmienja li ħaddiem tal-Protezzjoni Ċivili ħareġ lill-mara fuq spalltu u mexa biha fuq is-sellum sakemm niżżilha fit-triq.
Hawnekk Psaila laqa’ b’apprezzament il-ħidma tal-ħaddiema tiegħu.
Fuq il-post ukoll kien hemm tliet timijiet mediċi mmexxija mit-tabib tal-Emerġenza Dr Michael Spiteri li taw l-ewwel għajnuna lill-mara u ħaduha l-isptar fejn ġie stabbilit li ġarrbet biss ġrieħi ħfief.
B’xorti tajba fil-ħin tal-inċident ma kien hemm ħadd ħlief l-anzjana. Dan għall-fatt li familja bi tfal li tgħix f’wieħed mill-appartamenti kienu laħqu siefru ftit sigħat qabel din il-ħerba li setgħet kellha tmiem ferm agħar.
Sabiex jassiguraw ruħhom li ma kien hemm ħadd aktar maqbud taħt it-tifrik il-ħaddiema neħħew it-terrapien kollu minn fuq il-bankina. Jassistu lill-membri tal-Protezzjoni Ċivili f’dan il-proċess kien hemm żewġt iklieb mit-taqsima tal-K9.
Waqt din it-tfittxija wieħed mill-klieb tal-Protezzjoni Ċivili kellu jingħata l-ewwel għajnuna minn infermiera li kienet fuq il-post.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Astrid May Grima li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha.
Dan kien it-tieni inċident simili fi ftit ġimgħat wara li fl-24 t’April li għadda ġġarrfet għalokollox blokka ta’ appartamenti fi Gwardamanġa. Fortunatament dakinhar ir-residenti laħqu ħarġu mill-binja qabel iġġarrfet wara li nnotaw il-ħitan jinfetħu.